Illum huwa jum speċjali għall-atleta tant maħbub Jake Vella, għaliex huwa l-jum ta’ għeluq sninu.
Minkejja d-diversi sfidi li jiffaċċja, Jake ma jieqaf qatt ikun xempju ta’ ispirazzjoni għal kull wieħed u waħda minna.
Għalkemm se jqatta’ għeluq sninu l-isptar Mater Dei, fejn ilu rikoverat għal diversi ġimgħat, Jake jibqa’ jiffaċċja l-ħajja bi tbissima, determinazzjoni u mħabba, li jittrażmetti wkoll lil ħaddieħor.
F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, missieru Josie, awgura lil ibnu u stqarr li minkejja li mhuwiex l-isbaħ jum ta’ għeluq sninu minħabba li jinsab l-isptar, għalihom huwa jum speċjali li għadhom qed igawduh u jarawh sejjer għall-aħjar. “Bit-tbissima u d-determinazzjoni li għandek kapaċi tirbaħ kull battalja. Inħobbuk,” żied jgħid.
F’dan il-jum, Jake għażel li mill-kamra tal-isptar tiegħu jwassal messaġġ lis-segwaċi tiegħu biex iħeġġiġhom jingħaqdu ma’ Puttinu Cares fil-maratona li se ssir fil-Ġimgħa l-Kbira.
Min-naħa tiegħu t-tim ta’ Puttinu Cares wassal ukoll l-awguri tiegħu lil Jake. “Ħafna jgħidulek li int ta’ ispirazzjoni, imma għalina int aktar minn hekk. Għalina int leġġenda ħajja u timliena bil-kuraġġ, determinazzjoni u fuq kollox, bl-imħabba. Grazzi lill-ġenituri sbieħ tiegħek.”
F’isem it-tim ta’ Skoperta, nawguraw lil Jake l-isbaħ xewqat għal-lum u kuljum.
