Fl-għeluq il-ħamsa u għoxrin anniversarju, il-grupp tad-drama ta’ San Sebastjan bil-kollaborazzjoni tal-Parroċċa San Sebastjan u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, se jtella’ d-Dramm tal-Passjoni bl-isem, ‘L-Akkuża’ fuq kitba ta’ Joanne Debrincat, taħt id-direzzjoni ta’ Shaun Formosa.
Għalkemm id-dramm huwa ambjentat u jlaqqana’ ma’ karattri fi żmien Ġesù Kristu, il-ġrajja tlaqqagħna ma’ diversi personaġġi fittizji, li permezz tal-immaġinazzjoni tal-awtriċi, tippreżentalna diversi esperjenzi u s-sitwazzjonijiet, li s-soċjetà tagħna tgħaddi minnhom ta’ kuljum, għalhekk nistgħu nirreletaw iżjed magħhom.
Ħagar. Mara tad-dar, tgħix ħajja komuni u kieku mhux għax għandha lil uliedha, monotona. Ftit kienu jafu bl-eżistenza ta’ Ħagar, ħlief dawk li kienu jgħixu madwarha. Iżda f’daqqa waħda sar jaf biha kulħadd.
“Mgħallem, qed taraha lil din il-mara? Ftit ilu nqabdet tiżni fil-fatt. Hawnhekk, hawn min qed jakkużaha għax raw b’għajnejhom stess. Għalkemm ir-raġel li miegħu nqabdet tidneb irnexxielu jaħrab, dawn huma lesti jixhdu li ma kienx żewġha!”

Spiċċat is-suġġett tal-ġurnata. Inqabdet f’adulterju. Kulħadd beda jipponta subgħajh lejha biex jakkużaha. Iżda l-ġrajja tagħha kienet differenti u għall-kuntrarju ta’ min kien jiġi akkużat bħalha, minflok ma sabet ruħha quddiem il-mexxejja ta’ ġensha, sabet ruħha quddiem Ġesù.
“Ma kontx hawn, kieku jien kont nitfagħlha l-ewwel ġebla. Beżgħu minn dellhom. Ħelsitha minn id il-ġustizzja iżda minn idi mhix se teħlisha!”
X’se jiġri wara li Ħagar tiġi meħlusa minn ħalq il-mewt? Se jerġa’ jigi kollox għan-normal? Żewġha Għażarija lest li jaħfrilha? Uliedhom se jispiċċaw imċaħħda mill-imħabba tal-ġenituri tagħhom?
Dan id-dramm se jkun qed jittella’ ġewwa t-Teatru taċ-Ċentru Parrokkjali San Sebastjan Ħal Qormi, nhar it-Tnejn 3, it-Tlieta 4 u l-Erbgħa 5 ta’ April, fit-8:15 ta’ filgħaxija.
Għal aktar tagħrif u biex tixtri l-biljetti, tista’ tagħmel kuntatt mal-grupp tad-drama ta’ San Sebastjan permezz tal-paġna ta’ Facebook jew billi ċċempel fuq 79092963.

