Il-Midimba. Il-Magħżula. Kull wieħed minna fil-ħajja jgħaddi minn ċirkostanzi li ftit li xejn jista’ jevitahom. Jista’ jkun li għax iġorrhom miegħu, jew għax ikun wirithom, jew inkella għax sempliċiment ma jkunx hemm triq oħra. Madanakollu n-nies tad-dinja xorta waħda ssib xi tgħid fuq kulħadd, sew jekk hu tajjeb u ovvjament jekk hu ħażin. Anzi ħafna drabi l-bniedem jiftakar fl-affarijiet negattivi li jagħmel ħaddieħor u jipprova jiddemoralizzah u saħansitra jiddemonizzah. Meta mbagħad jiġri xi ħaġa lilna, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk xi ħadd jipprova sempliċiment iħares lejna b’mod differenti mis-soltu, aħseb u ara jekk jippruvaw imqar ikellmuna. Hemmhekk le!

Sfortunatament għaddejna u għadna qed ngħaddu minn ċirkostanzi li rari konna ngħaddu minnhom qabel. Preżentement qed nassistu għal stejjer u eventwalitajiet tal-biża’ – vjolenza, qtil, ġlied, biża’, intimidazzjonijiet, traskuraġni, sfreġju u ħafna aktar. Dak li konna ngħidu li kien ħażin ilbieraħ, ġie tajjeb illum. U flok nissieltu għal ġid fil-ħajja li qegħdin ngħixu fiha, qegħdin iktar ma jgħaddi ż-żmien ninħlew fuq ħmerijiet u ġlied bla bżonn. Għaliex?
Hemm ħafna raġunijiet, imma li kieku kellek tiġborhom kollha f’daqqa, kollha kemm huma jwassluk għal ħaġa waħda – L-EGOIŻMU.

B’kitba u direzzjoni ta’ Jeffrey Scicluna, id-dramm għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena mtella’ minn Skene, jittratta fuq mara li ġarrbet dak kollu msemmi Iżda l-iktar li sofriet kien minħabba l-preġudizzji. Mariam, hija dik il-mara mwarrba minn ħafna u mfittxija minn ftit. Fost il-ftit kien hemm Ġesù. Forsi ċertu eventwalitajiet setgħu ma ġrawx għax huma fittizji. L-importanti hu li jasal il-messaġġ.
Mariam hija l-ġrajja ta’ dejjem iżda tista’ tkun int, oħtok jew ommok. Tista’ tkun il-ġara jew il-ħabiba tiegħek. Jista’ jkun xi ħadd li ma nafuhx.

Mariam qed jittella’ minn Skene bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa. Ir-rappreżentazzjonijiet se jsiru nhar is-Sibt 1 u l-Ħadd 2 ta’ April 2023 fis-7.30pm u fis-6.00 rispettivament, fit-Teatru Metanoia f’Ħal Luqa. Biljetti minn ticketline.com.mt
