Id-dramm tal-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin jista’ jitqies bħala wieħed mill-pijunieri f’Malta u minn dejjem kien magħruf għall-kostumi, għax-xeni maħduma b’tant ħila u għall-kwalità għolja ta’ stejjer li jkomplu jdaħħluk aktar fl-atmosfera ta’ dan iż-żmien għall-qalb ħafna dilettanti Maltin. Matul is-snin, ill-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin kompliet tissaħħaħ u qatt ma żammet lura milli toffri drammi li jiġbdu warajhom udjenzi kbar.

Id-dramm tal-2023 iġib l-isem ta’ FEJQAN u bħal dawk ta’ qablu, għandu storja vibranti u li żżommok attent sal-aħħar xena minħabba d-diversi intriċċi li jinħolqu minn membri tal-istess familja. Din id-darba, il-karattri prinċipali jduru mal-familja ta’ Kajfa, li narawh fil-bidu tad-dramm jiġi mwiegħed lit-tifla ta’ Annas, il-qassis il-kbir ta’ dak iż-żmien. Itiru bħall-ħolma tmintax-il sena, minn dak il-jum meta Ayla u Kajfa saru ta’ xulxin u ssiġilaw darba għal dejjem imħabbithom. Żwieġ mibni mhux fuq l-imħabba biss imma fuq il-konvenjenza ta’ żewġ familji li xtaqu li jkomplu jissaħħu mal-medda tas-snin.

Żwieġ li minnu kulħadd kellu xi jgawdi, minbarra Danjel, ħu Kajfa. Għalkemm Danjel, laħaq membru tas-Sinedriju huwa wkoll, xorta baqa’ jħossu inferjuri għal ħuh u dan il-ħsieb qatt ma ħallih bi kwietu. Hu baqa’ jħoss li miegħu saret inġustizzja kbira u kompla jtaqqal lil qalbu, tant li l-għira u s-sens ta’ tpattija komplew ibejtu ġewwa dik il-qalb tal-ġebel li kien rabba. Kien lest għal kollox! Ma kien hemm l-ebda ostaklu quddiemu li seta’ jżommu milli jivvendika ruħu minn dawk kollha li b’xi mod għamlulu xi tort.

Kajfa issa hu l-qassis il-kbir, għalhemm kien sigriet magħruf mal-erbat irjieħ, li Annas, missier martu Ayla, baqa’ donnu d-dell tiegħu, imexxi hu u jiddetta kull deċiżjoni li kienet tittieħed fil-Parlament Lhudi. Kajfa bħal donnu kien dak il-pupazz li joqgħod għal dak li jrid missier martu. U Ayla, ta’ mara b’saħħitha li kienet, qatt ma żammet lura li tkompli tfakkar lil żewġha, li hi kellha tkun parteċipi f’kull deċiżjoni li jieħu żewġha għax kif kienet tgħidlu u tfakkru ta’ spiss, hi kienet tiswa daqsu.

Din il-frustrazzjoni ta’ Kajfa kompliet tiżdied meta minn imkien tfaċċa n-Nażżarenu, li kompla jżied l-inkwiet tal-qassis il-kbir, li ma kienx jaf fejn se jagħti rasu. Kellu bżonn ifittex xi alleati li jingħaqdu miegħu biex iwaqqfu lil dan ix-xewwiexi li beda jagħmel il-ħsara fit-toroq u fl-inħawi kollha tar-reġjun.

Imma kif seta’ jwaqqaf dan kollu? Tgħid se jkollu jiġi bżonn l-għajnuna ta’ ħuh Danjel?

Miż-żwieġ bejn Kajfa u Ayla twieldet tifla l-ġmiel tagħha, Leah, li issa għandha sbatax-il sena. Tfajla li kibret tista’ tgħid mas-servitu ta’ ommha u missierha u għalkemm ma kien jonqosha xejn, kienet nieqsa mill-preżenza tal-ġenituri tagħha li dejjem kienu mehdija fix-xogħol tal-Parlament Lhudi. Min-naħa l-oħra, Levi, bin Annas, qatt ma aċċetta li jkun membru tas-Sinedriju u baqa’ bl-ideal li jeħles mir-Rumani u jingħaqad ma’ Barabba minn wara dahar missieru.

Sadanittant iż-Żeloti u Ġesù jkunu l-inkwiet ewlieni fit-tmexxija ta’ Kajfa. Dawn kienu feriti kbar fit-tmexxija tiegħu li kienu qed jitfgħu dell ikrah fuqu, tant li kien qed jidher bħala mexxej fraġli u bla ebda direzzjoni. Dan kollu kien qed jitfa’ piż kbir fuq il-familja ta’ Kajfa u Ayla, li fuqhom kienu ġejjin xhur li żgur qatt ma bassru li kellhom jgħaddu minnhom. Feriti kbar bdew inixxu d-demm u li kienu jeħtieġu FEJQAN.

L-istorja tad-dramm ta’ din is-sena ħarġet mill-pinna ta’ Etienne Micallef li għalih dan se jkun is-sitt dramm mill-pinna tiegħu. Id-direzzjoni se tkun tal-veteran Frank Micallef, li għandu esperjenza kbira fejn jidħlu dawn it-tip ta’ drammi tal-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Se jsiru tliet rappreżentazzjonijiet fis-sala Dumnikana fil-Belt Valletta. Dawn se jkunu t-Tnejn 3 t’ April 2023 fis-7:15pm, l-Erbgħa 5 t’April 2023 fis-7:15pm, u l-Ġimgħa 7 t’April 2023 (il-Ġimgħa l-Kbira) fid-9:30am fis-sala San Duminku Triq il-Merkanti l-Belt Valletta.

Biljetti jistgħu jinkisbu billi wieħed iċempel fuq 99451909.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks