Jum iswed għall-attur Lawrence Buontempo u l-familja tiegħu hekk kif ilbieraħ ħabbar li l-għażiża ommu, Helen Buontempo, ħalliet din id-dinja fl-età ta’ 83 sena.

“Sbaħna b’aħbar mill-agħar. Iżda mimlijin memorji mill-isbaħ. Grazzi ta’ kollox u għal dak kollu li għamilt ma’ kull min iltaqa’ miegħek matul il-vjaġġ fuq din id-dinja. Strieħ fis-sliem ma,” kiteb Lawrence fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu.

Helen Buontempo se tingħata l-aħħar tislima aktar tard illum mis-seba’ uliedha u l-familji tagħhom, ħbieb u dawk kollha qrib, fil-Parroċċa ta’ Santa Marija, Birkirkara.

Il-vojt u l-imħabba li ħalliet partikolarment fil-qlub ta’ wliedha, kif ukoll il-qlubija u l-ġentilezza tagħha li bihom għexet ħajjitha huma espressi f’din il-poeżija t’hawn taħt iddedikata għaliha.

Għażiża Ommna,

Għażiża tagħna, x’vojt kbir ħallejt

U kemm domt magħna, x’kuraġġ urejt.

Kont dejjem sejra, mingħajr mistrieħ

Kont mara twajba, ħaqqek kull ġieħ.

Rabbejtna sewwa, kont moħħok fina

Eżempji tajba, kont tħobb tagħtina.

Kulma għallimtna, ma ninsewh qatt

Għax aktar minnek, ma jħobbna ħadd

Id-dar fil-ġabra, m’uliedna u magħna

Kien l-hena tiegħek, u anki tagħna.

Imm’issa f’qabrek, qiegħda tistrieħ

Il-għaliex Alla, riedek għalih.

Sabiex bil-ħaqq, u l-ħniena tiegħu

Lilek idaħħal, fil-ġenna miegħu.

F’isem it-tim ta’ Skoperta, inwasslu l-kondoljanzi tagħna lil Lawrence Buontempo u l-familja kollha, ħbieb u dawk kollha qrib.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks