Il-kompożitur leġġendarju Andrew Lloyd Webber ħabbar il-mewt ta’ ibnu l-kbir, Nicholas Lloyd Webber fl-età ta’ 43 sena.

Nicholas Lloyd Webber, kompożitur u produttur tad-diski, kien qed jieħu l-kura għall-kanċer tal-istonku u miet fl-isptar ta’ Basingstoke, Hampshire.

Missieru, Andrew Lloyd Webber, li l-musicals ta’ suċċess tiegħu jinkludu Cats, The Phantom of the Opera, Jesus Christ Superstar u Evita, ħabbar il-mewt ta’ Nicholas permezz ta’ post fuq Twitter nhar is-Sibt filgħaxija.

Nicholas huwa magħruf l-aktar għax-xogħol tiegħu f’Love, Lies and Records u Cindirella, b’din tal-aħħar wasslitu għan-nominazzjoni għal Grammy għat-teatru mużikali flimkien ma’ missieru kif ukoll David Wells u David Zippel.

Nhar il-Ħamis li għadda, Andrew Lloyd Weber qasam filmat fuq Instagram fejn qal li ibnu kien qed jirkupra minn pnewmonja kkawżata mill-kanċer.

Fil-filmat, huwa rringrazzja lin-nies tal-Ukrajn li bagħtulu flokk ta’ Cats wara li kien ħabbar li ibnu kien marid. Żied jgħid li huwa ġest kommoventi li ħasbu f’ibnu minkejja dak kollu li għaddejjin minnu.

Temm li jgħid se jgħaddi lil Nicholas ix-xewqat kollha li rċieva minn madwar id-dinja kollha.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks