“Tridu xi ħaġa?” staqsiethom waħda mill-impjegati tal-ħanut li kienet qiegħda tnaddaf xi mwejjed.
“Kafè,” qalet Jenny bi tbissima sfurzata.
“Lili għamilli tazza ħalib friska,” weġbitha Carrie. “Mela sirt tħobbu l-kafè?” staqsietha Carrie hekk kif il-wejtress kienet illargat.
“Drajt hux.”
“Drajt ħafna affarijiet donnok,” qaltilha Carrie. “Kif mort?”
“Jiena tajjeb u int?” staqsietha b’mod każwali.
“Jenny, grazzi. Issa nħossni nista’ nkompli ngħix. Nixtieq nirringrazzjak ta’ kollox. Din veru kelli bżonnha,” qaltilha oħtha tħares f’għajnejha.
“Taf li l-aħwa għalhekk qegħdin,” weġbitha Jenny.
“Immissjajtni f’dawn l-aħħar sentejn?”
Jenny ħasset għoqla tielgħa fi griżmejha. “Mhux ovvja? Għalkemm aħna l-kontra ta’ xulxin u minn dejjem hekk konna, inti xorta….”
“Naf. Din nerġgħu nagħmluha…..”
“Iva, nerġgħu niltaqgħu hawn, sentejn oħra!” ħatfitha Jenny fil-kelma.
“Kieku tajjeb!” qaltilha Carrie tidħak kemm tiflaħ, “imma issa nħossni tajba. Grazzi oħt. Grazzi ta’ vera.”
Wara li ħadu l-kafè u l-ħalib, tkellmu fuq l-esperjenzi tagħhom, ħarġu mill-ħanut u marru n-naħa ta’ wara, fejn kien hemm il-kmamar tal-banju.
Daħlu waħda wara l-oħra. Iċċekkjaw li ma kien hemm ħadd u ssakkru f’kamra waħda.
Carrie bdiet tinża. Neżgħet it-top, il-qalziet, il-bra, il-papocc, il-qalziet ta’ taħt u l-aċċessorji li kienet liebsa.
Ħarset lejn Jenny.
Jenny bdiet tinża hi wkoll.
Neżgħet għarwiena ħuta u bidlu l-ħwejjeġ ma’ ta’ xulxin.
Eżatt malli libsu, ma kontx tinduna liema waħda hi Jenny u liema kienet Carrie. Peress illi kienu tewmin identiċi ħadd ma kien jagħrafhom minn xulxin. Anke leħinhom kien bħal ta’ xulxin.
Jenny tat ċ-ċwievet tal-karozza li kienet ġiet fiha lill-oħtha u Carrie tatha tagħha.
Tgħannqu.
Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Avukata u Awtriċi