Viżibilment emozzjonat, Kurt Calleja qasam is-sentimenti u l-gratitudni tiegħu għar-rispons tal-udjenza preżenti waqt l-interpretazzjoni ta’ Bla Tarf fis-serata finali ta’ Mużika Mużika nhar is-Sibt li għadda.

F’filmat imtella’ fuq Instagram, Kurt Calleja spjega li waqt li jkunu qed ikantaw, il-kantanti jkollhom l-in-ears biex ikunu jistgħu jisimgħu l-mużika u l-vuċi tagħhom u ftit li xejn ikunu jistgħu jisimgħu l-ambjent tal-madwar, allura f’dak il-mument ma setax jisma’ lill-udjenza preżenti fis-sala tkanta l-kanzunetta.

Huwa stqarr li emozzjona ħafna ruħu x’hin qgħad isegwi l-prestazzjoni bil-kwiet mingħajr distrazzjonijiet, u sema’ lin-nies ikantaw.

Iddeskriva dan il-mument bħala wieħed li jirrifletti dik li hu sejjaħ bħala ħolma li saret realtà. “Dejjem xtaqt li nikteb kanzunetta li tolqot ħafna nies.”

“Sentiment straordinarju,” iddeskriva Kurt dak li ħass hekk kif sema’ eluf ta’ nies ikantaw il-kanzunetta li sena u nofs ilu kiteb hu stess, waħdu fi studjow. “Kliem li kienu f’qalbek u tisma’ lil dawk in-nies kollha jkantawha.”

F’filmat ieħor li tella’ fuq Instagram, Kurt qal li r-raġuni li qasam dawn il-ħsibijiet għaliex biex wasal s’hawn, kellu jiffaċċja ħafna ostakli.

Għalkemm kien hemm ħafna nies li għenuh, kien hemm ħafna oħrajn li ppruvaw jaqtgħulu qalbu billi jgħidulu li mhuwiex tajjeb u li dak li xtaq jagħmel kien biss ħolm.

“Ma ngħeja qatt ngħid kemm hu importanti li temmen ħolm tiegħek. X’inhu l-iskop li niġu fid-dinja u ma ngħixux il-ħajja li vera nixtiequ? La hemm ħolma, taħdem għaliha u nemmen li tista’ tasal,” sostna Kurt.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks