Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia ġiet innominata għall-Premju taċ-Ċittadin Ewropew.
In-nomina tressqet minn Peter Agius, li bħalissa qed jikkontesta għall-kariga ta’ Membru Parlamentari Ewropew għall-elezzjoni li ġejja, b’appoġġ għall-ħidma tagħha.
Mill-mument li Isabelle tilfet lil binha traġikament fuq il-post tax-xogħol fit-3 ta’ Diċembru 2022, ma waqfitx taħdem biex issir ġustizzja.
Flimkien mal-familja u l-ħbieb ta’ Jean Paul Sofia, Isabelle qed titlob biex tinfetaħ inkjesta pubblika sabiex issir investigazzjoni ġusta dwar min kien responsabbli u x’wassal għall-mewt ta’ binha.
Hija qed taħdem bla heda wkoll biex issir riforma u infurzar fis-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ kostruzzjoni biex ħadd ma jgħaddi minn dak kollu li għaddejjin minnu hi u l-għeżież ta’ Jean Paul Sofia.
Mogħti għall-ewwel darba fl-2008, il-Premju taċ-Ċittadin Ewropew jirrikonoxxi proġetti u inizjattivi li jippromwovu l-valuri tal-Unjoni Ewropea.
Il-prempju ngħata lil diversi kawżi distinti fis-soċjetà Maltija fosthom Puttinu Cares, id-Dar tal-Providenza u l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia fost oħrajn.
