Dalgħodu, l-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo uża l-qawl Malti, “ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tiġi isbaħ minnu,” biex għal darb’oħra jesprimi ruħu dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Partit Laburista fil-fehma tiegħu.

“Jien irrid wiċċ il-Partit Laburista maħsul ghax irridu jkun u jibqa’ jkun l-isbaħ wiċċ politiku,” qal Evarist filwaqt li sostna li l-Partit Laburista għandu jħares sew fil-mera u jisma’ lil dawk li jixtiqulu l-ġid u jriduh li jkun l-isbaħ wiċċ politiku.

“Dan l-aħħar, il-mera tal-istħarriġ tal-Malta Today, it-Torċa u The Sunday Times u dawk li jixtiqulu l-ġid urewh li f’sena mill-aħħar elezzjoni tilef mill-inqas 14,000 vot, li 52% tal-Laburisti mhumiex kuntenti bil-ħidma tal-gvern. Żgur urewh li hemm il-bżonn li jaħsel wiċċu u ruħu tajjeb. Ma jagħmilx sens iwaħħal fil-mera jew f’li jgħidulu dawk li jridulu l-ġid. Bi ftit tiċpis ta’ rtokk jiġi agħar. Hemm bżonn ħasla tajba. Tal-wiċċ u tar-ruħ,” sostna Evarist.

F’kitba oħra mtella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Evarist qal li fost l-ewwel ħidmiet tiegħu fil-Partit Laburista kien ix-xogħol fil-Bord ta’ Viġilanza u Dixxiplina man-Nutar Abela, Sammy Meilaq u l-Professur Edwin Grech, fejn kienu jinvestigaw każijiet ta’ korruzzjoni minn Laburisti fi żmien gvernijiet Laburisti tas-snin 70 u 80.

Huwa qal li din il-ħidma, li huwa rrefera għaliha bħala “skomda”, ma kinitx issir biex tikkawża ħsara lill-Partit Laburista, iżda kienet issir għall-ġid tal-Partit Laburista, biex isewwi n-nuqqasijiet tiegħu u ma jitlifx iżjed voti u appoġġ minħabba dak li jagħmel xi ħadd f’ismu u billi jinqeda bih.

Kompla jgħid li l-aktar li jixtiqulek il-ġid huma dawk li jiftħulek għajnejk li dieħel f’ħajt mhux dawk li dejjem jgħidulek prosit ta’ kollox anki meta tonqos. “Dik baqgħet l-attitudni tiegħi lejn il-Partit Laburista: mhux il-kritika għall-gost tal-kritika jew għall-ħsara iżda għall-ġid.”

Bi tweġiba għal dawk il-partitarji Nazzjonalisti li jirrimarkaw li ma tkellimx qabel kull meta jitkellem dwar nuqqasijiet fil-gvern, huwa qal li ilu jitkellem dwar il-korruzzjoni, l-etika fil-politika u kontra l-evażjoni tat-taxxa 40 sena. “Ktibt u tkellimt fil-miftuħ anki fl-aħħar seba’ snin mill-Panama Papers ‘l hawn bħala ministru tant li fil-Partit Laburista kienu jattakkawni bħala Ġuda, ġakbin, traditur u li jmissni nagħlaq ħalqi fil-pubbliku. Hemm partitarji Laburisti li għadhom jattakkawni llum minħabba l-kritika tiegħi dwar ċerta mġiba ta’ nies tal-Partit Laburista fil-Gvern li qed tagħmel ħafna ħsara lill-partit u lill-pajjiż.”

Evarist għamel referenza wkoll għal dawk li jgħidu li qed jikkritika għax “ma laħaqx l-għeneb,” fl-aħħar elezzjoni. “M’għandi l-ebda nostalġija għall-għeneb tal-parlament jew tal-kabinett. U ma rrid l-ebda ħatra, konsulenza jew kuntratt. Għandi biżżejjed affarijiet interessanti x’nagħmel f’Malta u f’pajjiżi oħra. L-uniku għeneb li għandi bżonn huma s-saħħa u l-enerġija biex inqatta’ tajjeb l-aħħar snin ta’ ħajti fuq din il-pjaneta.”

Dwar il-fatt li ma telax fl-elezzjoni ta’ sena ilu, huwa qal li ma ħax għalih u lanqas ħadha kontra n-nies li ma vvutawlux. Għamlu sew għax iridu politiċi li jkunu qribhom u għalihom. Fl-aħħar xogħol ministerjali li kelli la stajt inkun qribhom u lanqas hemm għalihom. Jien m’għandix minn xiex ingerger fil-ħajja politika tiegħi. Għandi fost l-aqwa rekords elettorali ta’ kull żmien fil-politika Maltija: fuq medda ta’ 30 sena ħriġt fi tmien elezzjonijiet u dejjem tlajt minn żewġ distretti fl-ewwel seba’ minnhom. Anki fl-aħħar elezzjoni ġibt voti iżjed minn persuni li llum huma fil-parlament. Kont naf li mhux se nitla’. Dan mhux qed ngħidu issa. Allaħares wara 30 sena noħroġ għall-elezzjoni ma kontx kapaċi naqra s-sinjali (u n-numri tal-istħarriġ elettorali tad-distretti).
Dawk li jaħdmu miegħi, l-ambaxxaturi barranin f’Malta u dawk li kienu jistaqsuni kif se nmur kont għedtilhom qabel l-elezzjoni li mhux se nitla`. Ir-riżultat ma kienx sorpriża għalija,” tenna Evarist.

Huwa qal li se jkompli jitkellem u jikteb bit-tama li għall-inqas xi ħaġa żgħira milli jgħid tista’ sservi ta’ ġid għall-poplu.

F’kitba separata, Evarist irrakkonta dwar meta ltaqa’ ma’ ħaddiem Laburist u kellmu dwar is-sitwazzjoni tal-Partit Laburista fil-fehma tiegħu.

Huwa qal li l-ħaddiem qallu li Bernard Grech u l-PN mhumiex kapaċi jmexxu pajjiż, iżda “erbgħa minn tagħna qabżu kull limitu u ħarbtu pajjiż. Jekk mhux se jittieħdu passi se mmorru l-baħar.”

Evarist stqarr li ma setax imeri dak li kien qallu, anzi, qabel miegħu. Aktar minn hekk, saħaq li “t-tmexxija tal-Partit Laburista għandha bżonn tbiddel ir-rotta.”

Huwa sostna li l-Partit Laburista jkun qed jiżbalja jekk jaħseb li kollox huwa sew għax għad għandu vantaġġ fuq il-Partit Nazzjonalista u allura nistgħu nibqgħu għaddejjin kif aħna bħala pajjiż.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks