Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-ECDC, qed jirrakkomanda liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea biex jevitaw li jagħmlu trattamenti fl-istonku kontra l-obeżità fit-Turkija minħabba riskju tal-botuliżmu.
Minkejja li s’issa ma ġewx irrappurtati fatalitajiet fl-Ewropa, ġew irrappurtati 53 każ ta’ ċittadini Ewropej li sarulhom trattament bejn it-28 ta’ Frar u t-8 ta’ Marzu li għadda fi klinika privata f’Istanbul, it-Turkija. Madankollu għadu mhux magħruf jekk dan seħħx minħabba botox difettuż jew jekk kienx kaġun li l-proċedura ma saritx sew.
F’rapport minn TVMNews, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-ECDC informa lill-awtoritajiet kollha tas-saħħa Ewropej bir-riskji u l-perikli li jista’ jikkawża dan it-trattament.
Hija spjegat li l-proċedura hija simili għall-botox fil-wiċċ, iżda b’differenza li l-injezzjoni ssir fil-muskolu taż-żaqq. Din il-proċedura qed tintuża wkoll biex titnaqqas l-obeżità.
Il-Professur Gauci qalet lil TVMNews li fil-fehma tagħha, qabel wieħed jagħmel it-trattament, għandu jirrikorri għall-parir tat-tabib.
Il-botuliżmu hija kundizzjoni rari iżda serja u tista’ tkun ikkawżata minn sustanza valenuża li tattakka n-nervituri tal-ġisem jekk tiġi injettata doża aktar milli meħtieġa.
