Ftit jiem ‘il bogħod mill-maratona b’risq Puttinu Cares, Martina, li ċertament hija familjari magħkom Is-segwaċi, taqsam kelmtejn dwar Puttinu, mill-esperjenzi li għexet hi stess, kif ukoll minn dak li qed tara b’għajnejha issa li hija wkoll tagħmel parti mit-tim.

“Din l-aħħar sena stajt nara iżjed mill-viċin ix-xogħol li jsir. Rennie u Angele jaħdmu bla waqfien biex kemm jista’ jkun ma jgħidu le lil ħadd. Ma jeżistux ħdud u festi għalihom, għaliex xħin il-pazjent jgħajtilhom, lilhom tarahom hemm lesti biex jgħinu, jisimgħu u jtaffu l-piż soċjali u finanzjarji mhux biss tal-pazjenti iżda wkoll tal-familjari tagħhom.

Martina fakkret iż-żmien, ħdax-il sena ilu, li kellha bżonn tagħmel użu mill-appartamenti ta’ Puttinu minħabba li kellha bżonn tieħu l-kura barra minn xtutna. Hija stqarret li dak iż-żmien il-fatt li kienet sejra ‘l bogħod minn kulħadd u ma tafx x’se ssib u meta se terġa’ tiġi lura, qanqal fiha ċerta biża’ fost ħsibijiet oħra. “Iżda hekk kif tlajt insejt kollox għaliex mhux biss sibna saqaf fuq rasna, iżda sibna komunità Maltija li għaddejjin mill-istess imrar u għalhekk stajna nkunu ta’ wens għal xulxin,” tgħid Martina.

Għalhekk inħeġġeġ lilek biex tgħinna nlestu dan il-proġett fiċ-ċentru ta’ Londra sabiex inkunu nistgħu nospitaw iżjed familji, u nagħtuhom id-dinjità meħtieġa f’mumenti ibsin bħal dawn. Bid-donazzjonijiet tal-passat, Puttinu tani d-dinjità billi provdieli dar barra minn xtutna. Illum qed naħdem mat-tim kollu biex nagħtu l-istess dinjità lill-familji preżenti u futuri biex kemm jista’ jkun jonqsu l-problemi soċjali u finanzjarji li jaffaċċjaw meta jsiefru Londra għall-kura speċjalizzata. Grazzi talli fil-Ġimgħa l-Kbira se tgħinna nwettqu l-ħolma tagħna ssir realtà.
Martina

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks