X’għandhom komuni s-supereoj Superman u l-karattru Bibliku Mose? Min hi l-ewwel persuna li qatt indunat li l-istilel jagħmlu l-ħsejjes? Għaliex il-ballerina Amerikana Janet Collins bidlet id-dinja… għall-aħjar? Min kien l-ewwel atleta bi bżonnijiet speċjali li ħareġ rebbieħ fil-Logħob Olimpiku?
Dawn il-mistoqsijiet kollha se jkollhom risposta waqt il-programm ġdid għat-tfal li jismu F’Idejna, u li se jibda jidher kuljum minn April sa Ġunju. Bi produzzjoni ta’ Ruth Frendo, F’Idejna se jiġi ppreżentat minn ħames preżentaturi tfal li huma Hollie Micallef, Bradley Camilleri, Ana Galea, Andy Liviu Zachin u Shazney Barbara. Imbagħad F’Idejna jibbenifika minn grant tal-Active Citizens Fund mill-Islanda, minn Liechtenstein u min-Norveġja, grazzi għall-EEA Grants li f’pajjiżna hu amministrat minn SOS Malta.
Fost is-suġġetti li se jiġu diskussi tul il-programm insemmu li se jkun hemm il-promozzjoni tad-drittijiet umani (inkluż l-ugwalja tas-sessi u l-inklużjoni soċjali), il-hate speech u kif din nistgħu niġġilduha, u anki d-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet. Tkellimna mal-produttriċi Ruth Frendo, li spjeġat li għandna nimmiraw li t-tfal tal-lum jikbru f’ċittadini ta’ kuxjenza sabiex is-soċjetà tagħna ssir waħda li toffri empatija għal min hu batut, filwaqt li tkun kapaċi tiddistingwi bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.
“Għalhekk hu importanti li t-tfal isiru jafu dwar attivisti u mexxejja bħal Nelson Mandela u Dr Martin Luther King Jr, li dejjem iġġieldu kontra r-razziżmu. Tajjeb ukoll li t-telespettaturi żgħar japprezzaw li llum il-ġurnata, mudelli ta’ suċċess internazzjonali mhux bilfors ikunu żgħar, imma jista’ wkoll ikollhom età matura. Eżempju ċar ta’ dan jinkludi l-mudelli Iris Apfel, li għandha iktar minn mitt sena, u Jane Fonda, li għandha madwar 85 sena. Sabiħ ukoll li t-tfal ikunu jafu li n-nisa mhux dejjem kellhom id-dritt li jivvutaw, imma li tul is-snin kien hemm diversi individwi li għamlu diversi sagrifiċċju biex biddlu dan,” qaltilna Ruth.
“Tajjeb li ngħidu li t-telespettaturi tfal se jgawdu minn intervisti, filmati esklussivi, vox pops, vidjos mużikali, stejjer, trailers minn films, u quizzes, fost ħafna oħrajn. Minbarra hekk, ikun sabiħ jekk dan il-programm jiġi segwit mhux biss mit-tfal, imma anki mill-familjari tagħhom fosthom ġenituri, aħwa, kuġini, zijiet, nanniet u anki edukaturi. Dan għax żgur li kulħadd se jitgħallem xi ħaġa, waqt li anki jieħu pjaċir jiskopri kurżitajiet ġodda,” żiedet tgħid Ruth
F’Idejna se jibda jixxandar minn April mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-08:30, fit-15:35 u fis-19:15; b’repetizzjoni nhar ta’ Sibt fit-15:35 fuq l-istazzjon ONE.
