“Sa minn meta kont għadni tifla ċkejkna, dejjem hekk niftakarna. Poplu maħkum f’art twelidu, imbeżża’ minn dawk illi għandhom jedd fuq artna u fuq kulħadd.”

Rakela, tfajla li f’moħħha dejjem iberrnu l-istess ħsibijiet. Tfajla li dejjem rat lill-poplu beżgħan minħabba
l-ħakma f’art twelidhom. Tfajla li dejjem rat it-tbatija f’għajnejn ommha u missierha, minħabba dan kollu.
Għodwa waħda, Ġuda jisma’ lil Rakela tlissen il-ħsibijiet tagħha dwar it-tama ta’ xi wħud. Tama li xi darba
l-poplu jkun meħlus mill-ħakkiema ta’ arthom u ħajjithom, tama li hi ma temminx fiha! U minħabba
f’hekk, Ġuda jlissen il-ħsibijiet tiegħu magħha.

“Jekk il-poplu ħa jibqa’ passiv u flimkien ħa nibqgħu nħarsu lejn xulxin u nittamaw biss li xi darba niġu meħlusa minn dan kollu, jkolli ngħid li għandek raġun, il-ħelsien ma jiġi qatt.”

Iżda f’dak l-istess waqt, ħabib tal-qalb ta’ Ġuda, jgħarrafhom b’aħbar illi fost il-poplu feġġ profeta ġdid.

“Dan il-bnidem qed jimxu warajh folol kbar ta’ nies,sabiex ta’ kuljum jisimgħu t-tagħlim tiegħu. Ħafna qed jgħidu wkoll li qed jagħmel diversi għegubijiet mal-poplu.”

Hekk kif Amos jgħarraf lil Ġuda dwar dan kollu, dan tal-aħħar jiddeċiedi li jitlaq kollox warajh, sabiex
jisma’ t-tagħlim ta’ dan il-profeta ġdid u jitkellem miegħu, sabiex isir jaf aktar mill-qrib, il-ħsibijiet tiegħu.
Iżda mhux kulħadd għandu l-istess fehma fil-konfront ta’ dan il-profeta u fost dawn, hemm ukoll xi wħud
mill-membri tas-Sinedriju, fosthom lil Żeraħ u Ġożwe.

“Quddiem kulħadd, dan il-bniedem wasal sabiex jgħajjarna bi kliemu u jsejjħilna sriep kif ukoll nisel il-lifgħat! B’liema dritt, iħammiġna b’dawn it-titli fil-konfront tagħna!”

Il-ħsibijiet ta’ Ġuda huma ferm differenti minn dawk tal-membri tas-Sinedriju. Dan għaliex huwa jibda jemmen li kulħadd qed jagħraf lil Ġesù bħala dak il-bniedem li jista’ jmexxihom bħala poplu wieħed.

“Sa fl-aħħar qed nemmen illi fostna feġġ il-mistenni mill-poplu tagħna.”

Iżda Rakela ma taqbilx ma’ dak li jlissen Ġuda. Xi ħsibijiet qed iberrnu f’moħħha?

“Kif qatt tista’ taħseb illi jista’ jmexxi lill-poplu kontra l-ħakkiema, meta hu stess għadu kif qal lill-ġemgħa sabiex iħallsu l-ħaraġ lil Ċesari?!”.

Għal liema raġuni, Rakela tgħid dan il-kliem fil-konfront ta’ Ġesù? Għaliex tmur tfittex lil Ġuda? Xi pjan
għandu Żeraħ sabiex isibu lil Ġesù minn Nazaret u jressqu quddiem is-Sinedriju?

Amos, bħal Ġuda, jibda’ jemmen li Ġesù minn Nazaret jista’ jkun ta’ għajnuna kbira ghall-poplu. Iżda
jibqa bl-istess ħsieb? U Ġuda jibqa’ bl-istess ħsibijiet fil-konfront tal-Imgħallem tiegħu? X’konnessjoni
hemm bejn Ġuda u Rakela?

Ħtija Tiegħi huwa dramm għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, b’kitba ta’ Adrian Falzon, li s-Senglea Drama
Group se jkun qed itella’ ġewwa s-sala tas-Sede Azzjoni Kattolika tal-Isla, nhar is-Sibt 1 u l-Ħadd 2 ta’
April 2023, fis-7:30 ta’ filgħaxija, f’għeluq il-ħmistax-il sena mit-twaqqif tal-istess grupp.

Id-direzzjoni tad-dramm hija ta’ Adrian Falzon u Andrew Grech.

Dan id-dramm se jkun qed jgħaqqad storja immaġinattiva mill-pinna tal-awtur, dwar karattru li ma jissemmiex fil-Kotba Mqaddsa, flimkien mal-istorja fuq il-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu.

Għal aktar tagħrif u biex tixtri l-biljetti, tista’ tagħmel kuntatt mas-Senglea Drama Group permezz tal-imejl fuq sdgmalta@gmail.com, permezz tal-paġna ta’ Facebook tal-grupp jew billi ċċempel fuq 79334926.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks