Il-Papa Franġisku għandu infezzjoni respiratorja u se jkollu jqatta’ ftit jiem l-isptar f’Ruma.

Fi stqarrija, il-Vatikan qal li f’dawn l-aħħar jiem il-Papa Franġisku, li għandu 86 sena, kellu diffikultajiet biex jieħu n-nifs iżda mhuwiex pożittiv għall-covid-19.

Huwa mistenni jqatta’ ftit jiem l-isptar għall-kura wara li mit-testijiet li sarulu rriżulta li għandu infezzjoni respiratorja.

L-istqarrija żiedet tgħid li l-Papa Franġisku jinsab kommoss mill-ħafna messaġġi li rċieva u jesprimi l-gratitudni tiegħu għat-talb.

Dan huwa l-iktar żmien impenjattiv tas-sena għall-Papa Franġisku, b’ħafna avvenimenti u servizzi skedati qabel tmiem il-ġimgħa tal-Għid.

Fi tmiem il-ġimgħa hija skedata Quddiesa ta’ Ħadd il-Palm, u ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-ġimgħa d-dieħla.

Huwa wkoll skedat li jżur l-Ungerija fl-aħħar ta’ April.

L-Erbgħa filgħodu, ippresieda l-udjenza ġenerali tiegħu ta’ kull ġimgħa fi Pjazza San Pietru.

F’dawn l-aħħar xhur, il-Papa Franġisku kien qed juża siġġu tar-roti minħabba problemi ta’ mobilità relatati ma’ rkopptu.

Saritlu wkoll operazzjoni biex jikkura problema tal-kolon fl-2021. F’Jannar, qal li l-kundizzjoni kienet reġgħet lura.

Minkejja d-diffikultajiet tiegħu, il-Papa baqa’ attiv u baqa’ għaddej anki bil-vjaġġi tiegħu. Huwa żar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u s-Sudan t’Isfel fi Frar.

F’Jannar, il-Papa mexxa l-funeral tal-predeċessur tiegħu, il-Papa Benedittu XVI, li kien l-ewwel Papa li rriżenja b’mod volontarju fi żminijiet moderni.

F’diversi intervisti, il-Papa Franġisku sostna li ma kellu l-ebda ħsieb li jirriżenja sakemm saħħtu tibqa’ tippermetti li jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala Papa iżda qal li jista’ wkoll ikun jixtieq jimxi fuq il-passi ta’ Benedittu f’każ li saħħtu tmur għall-agħar.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks