F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Patri Aaron Zahra, wassal messaġġ b’saħħtu u riflettiv mhux biss għal dan iż-żmien imma matul is-sena kollha.
Patri Aaron Zahra fakkar li fil-ġimgħa li l-Knisja Kattolika tiċċelebra t-tifsira ta’ Marija Addolorata, huwa tajjeb li niftakru fl-ommijiet li għaddejjin minn dulur kbir. “Nitolbu għalihom lill-Verġni Marija biex jibqgħu sodi bħalha.”
Huwa rrefera għal omm Bernice Cassar, omm Pelin u omm Jean Paul Sofia bħala dawk l-ommijiet li fihom jara d-Duluri tal-lum.
It-tliet ommijiet tilfu lil uliedhom traġikament u għaddejjin minn tbatija kbira.
Patri Aaron saħaq li “ma nistgħux immorru nimxu wara d-Duluri tal-kartapesta jekk nagħlqu għajnejna għad-duluri ħajja f’ħutna għeżież.”
“Marija tridna li nimxu ma’ dawn in-nies u nkunu ta’ spalla għalihom, u ma nagħlqux għajnejna għall-inġustizzji ta’ madwarna. O Marija Addolorata, itlob għalihom u għalina biex nagħrfu lilek fil-batut,” żied Patri Aaron.
