Huma ħafna li jgħidu li dan iż-żmien tas-sena jġiegħlhom jidħlu f’qoxorthom.

Dan għaliex dan iż-żmien huwa sinonimu mat-tbatija, u allura kemm jekk tkun reliġjuż, kif ukoll jekk ma tkunx, dak li l-midja twassal f’dan iż-żmien jista’ jġiegħel lil xi wħud “jidħlu f’qoxorthom”.

Imma din hi biss frażi?

Għall-Knisja Kattolika, dan iż-żmien jirrappreżenta t-tbatija li għaddew minnha Marija, omm Ġesù, u Ġesù Kristu nnifsu.

Tbatija li tiġi deskritta u interpretata f’diversi modi, iżda fuq kollox riflessa fuq bosta individwi.

Li wieħed jirrifletti dwar ħajtu u dak li qed iseħħ madwaru hija xi ħaġa li wieħed għandu jagħmel kuljum, jew spiss, fl-opinjoni tiegħi. Ir-riflessjoni ġġibek aktar konxju tar-realtà, u tista’ wkoll tbiddillek ċerti perspettivi.

Id-domanda però hija din, jekk l-ispirtu ta’ dan iż-żmien iġegħlek tidħol f’qoxortok, u sirt aktar konxju ta’ dak li qed jiġri, x’se tagħmel dwar dan?

Se jisbaħ għada u terġa’ lura għal li kont? Se tibqa’ tistkenn f’dik il-qoxra? Jew se tieħu azzjoni?

Se tagħmel xi ħaġa biex tipprova tagħmel differenza fil-ħajja tiegħek u ta’ madwarek?

Li tirrifletti huwa tajjeb, iżda li tirrifletti biss mhuwiex biżżejjed. Huma l-imġiba u l-azzjoni li jiddefinixxu d-direzzjoni tat-triq li se tagħżel li timxi fil-vjaġġ ta’ ħajtek.

Int x’taħseb dwar dan?

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks