Għalkemm jeżistu aktar minn tip wieħed ta’ awtiżmu, ġeneralment, l-awtiżmu jaffettwa l-komunikazzjoni, l-interazzjoni soċjali u l-mod ta’ kif wieħed jitgħallem. Jaffettwa wkoll kif wieħed jaħseb, iħoss u jġib ruħu.

Minkejja li sfortunatament, sal-lum, għad hawn min iħares l-awtiżmu bħala xi ħaġa negattiva, u li persuni li jgħixu bl-awtiżmu għandhom xi ħaġa inqas minn ħaddieħor, dan mhuwiex minnu.

Naturalment, fil-ħajja xejn mhu faċli, u kull sitwazzjoni torbot magħha diversi sfidi, iżda sfortunatament, il-mentalità msemmija hawn fuq hija ħafna drabi l-kaġun ta’ sfidi diffiċli u intoppi li persuni li jgħixu bl-awtiżmu u l-familji tagħhom ikollhom jiffaċċjaw.

Kollox jibda mill-mentalità, għaliex hija dik li tiddetermina l-kwalità tal-ħajja tal-persuna.

Int li qed taqra dan l-artiklu, tajjeb li tkun taf li:

  • L-interess speċjali li persuni li jgħixu bl-awtiżmu jkollhom dwar qasam jew suġġett partikolari, mhijiex “ossessjoni”. Filwaqt li huwa tajjeb li ninkoraġġixxu lit-tfal biex jitgħallmu dwar suġġetti differenti, l-interess u l-entużjażmu speċjali dwar suġġett partikolari jista’ jwassal biex ‘il quddiem jaslu għall-karriera li jixtiequ.

  • Persuni li jgħixu bl-awtiżmu huma onesti, affidabbli u realistiċi. L-opinjonijiet u l-ħsibijiet tagħhom huma onesti. Persuni li jsibuha diffiċli biex jigdbu jew ikunu sarkastiċi u allura tista’ tafda li se jgħidulek il-verità.

  • Persuni li jgħixu bl-awtiżmu mhux dejjem jistgħu jikkomunikaw bil-fomm, iżda jikkomunikaw b’mod differenti. Osserva u isma’, u ċertament tagħraf dak li qed jippruvaw iwasslu. Bil-fomm mhuwiex l-uniku mod kif titkellem u tikkomunika ma’ ta’ madwarek. Ħafna drabi niffukaw fuq kif it-tfal ma jistgħux jikkomunikaw bil-fomm iżda ħafna jesprimu ruħhom permezz tal-arti, il-kitba u l-viżwali.

  • Persuni li jgħixu bl-awtiżmu jagħtu attenzjoni qawwija għad-dettall. Ħafna drabi kapaċi jinnutaw dettalji żgħar li oħrajn ma jindunawx bihom. Ikunu kapaċi jiffukaw fuq dettalji kkumplikati, jinnutaw u jikkoreġu żbalji li tipikament, oħrajn ma jindunawx bihom. Jistgħu jkunu wkoll kapaċi jiftakru dettalji żgħar iżda importanti ta’ avvenimenti li ħaddiehor ma jindunax bihom. Din il-karatteristika tista’ tkun importanti f’ħafna sitwazzjonijiet.

  • Persuni li jgħixu bl-awtiżmu jużaw is-sensi kollha biex jitgħallmu. Ħafna drabi jsibuha aktar faċli li jitgħallmu bil-prattika milli bil-kitba.

  • Sempliċiment għax wieħed jipproċessa s-sensi b’mod differenti, b’mod aktar qawwi minnek, ma jfissirx li hija xi ħaġa negattiva. Sens tax-xamm qawwi jew sensittività għal meta xi ħadd imiss persuna li tgħix bl-awtiżmu, ma jfissrux diżabilità.

  • Ħafna individwi li jgħixu bl-awtiżmu jistgħu jidhru jew jitqiesu “eċċentriċi” iżda fil-verità, il-personalitajiet uniċi jirriflettu s-sbuħija tagħhom. Ma jħossux il-bżonn li jaġixxu b’ċertu mod li s-soċjetà tistenna iżda jkunu eżattament dak li huma.

Persuni li jgħixu bl-awtiżmu jistgħu jirnexxu fil-ħajja! Huwa veru li tfal bl-awtiżmu jistgħu jkollhom bżonn aktar attenzjoni u sapport biex jifhmu sitwazzjonijiet perikolużi jew biex jitgħallem ħiliet speċifiċi, iżda bl-imħabba, gwida u tagħlim b’modi rispettużi, jistgħu jirnexxu f’dak kollu li jixtiequ jwettqu fil-ħajja!

Jekk jogħġbok xerred dan l-artiklu.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks