“Se nimmissjak,” qaltilha Carrie u telqet lejn il-karozza lussuża, hi u timxi xi ftit żgarbata fuq it-takkuna. Kienet ilha tilbes l-istil ta’ oħtha għal dawn l-aħħar sentejn u kienet drat. Jenny ħassitha tgħir għal oħtha. Kienet taf li hi ma kellha xejn għal ħdejn oħtha. La flus, la xogħol tajjeb, la raġel iħobbha, la rikkezzi, la stil……xejn.
Jenny daħlet fil-karozza u telqet xi ftit irrabjata.
Kienet taf li fl-appartament mikri, żdingat, li kienet ħalliet sentejn ilu ma kien hemm jistennieha ħadd. Kienet taf li ħajjitha kienet ser terġa tiġi monotona, mingħajr Jerome, ir-raġel t’oħtha.
Meta Carrie kienet ipproponiet biex jinbidlu għal sentejn għaliex kellha l-problemi fiż-żwieġ u riedet ftit ħin waħedha, Jenny kienet iddejqet xi ftit. Iżda mbagħad kienet drat. Kienet drat tilbes differenti, drat il-ħajja lussuża, drat l-imħabba ta’ raġel. Kienet stagħġbet kif oħtha ma kinitx qegħda tapprezza dan kollu.
Xi nofsiegħa wara waslet quddiem l-appartament.
Ipparkjat. Fetħet il-bieb u daħlet.
Fetħet għajnejha beraħ u qalbha bdiet tħabbat mija mija. L-istil tal-appartament kien mibdul! Kollox kien modern u sabiħ! Mhux kif kienet ħallietu sentejn ilu hi!
Bdiet iddur kamra kamra, bilkemm trid temmen. Tbissmet. Marret tiġri lejn il-gwardarobba u fetħet il-bieba. Il-ħwejjeġ kienu kollha eleganti u sbieħ! Kollox tad-ditta!
“Carrie….” bdiet tgħid.
Dak il-ħin, ħabbat il-bieb.
Tgħid kien ġie xi wieħed minn sħabha li kienet toħroġ magħhom filgħaxijiet f’xi klabb, jixorbu?
Marret tiftaħ il-bieb bilmod u rat lil Simon b’pakkett imgeżwer f’idu.
“Simon?” fetħet ħalqha beraħ. “Int…??”
Simon kien il-ġuvni li kienet ilha tiffansja minn meta kienu għadhom l-iskola. Iżda qatt ma kellha l-kuraġġ tgħidlu li kienet tiffansjah.
“Mela nsejt li llum kellna mmorru nibbukkjaw il-fjuri?” staqsieha, jaqbadha minn qaddha u jbusha. “Xtrajtlek dar-rigal żgħir, għax taf kemm inħobbok.”
“Il-fjuri…..?” staqsietu b’leħen jirtogħod.
“Il-fjuri għat-tieġ tagħna. U wara mmorru mixja fuq il-bajja li tant tħobb inti.”
Jenny ħasset l-art iddur biha.
“Carrie….” lissnet b’leħen baxx. “Grazzi…”
U qabdet lil Simon minn idu u flimkien telqu jiġru ‘l barra.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks