Waqt il-programm TVAM nhar it-Tnejn li għadda, Keith Demicoli kellu miegħu fuq is-sufan lil Roseann Saliba, fejn irrakkuntat ftit mill-istorja tant diffiċli tagħha.

Roseann, li trabbiet f’istitut, tirrakkonta kif sofriet aktar minn 10 snin sħaħ allegati abbużi differenti mis-sorijiet, saħansitra kienu anki allegatament jaħbuha fit-toilet.

Il-missjoni tagħha hi li tiskopri dwar minn fejn ġejja u min hi l-familja bioloġika tagħha għaliex għalkemm ippruvat kemm-il darba tiskopri, sal-lum għadha ma taf xejn.

L-uġigħ ta’ Roseann kompla jiżdied meta waqt li qed tipprova tiskopri dan kollu saret taf li allegatament il-fajl tagħha intilef u oħrajn allegatament ġew imqattgħin minn xi sorijiet.

Roseann issostni b’ċertezza li s-sorijiet li kienet tgħix magħhom, jafu l-istorja tagħha iżda baqgħu jaħbuha.

Madankollu, Roseann tgħid li dan mhux se jaqtagħlha qalbha u se tibqa’ tipprova twettaq il-missjoni tagħha kif ukoll tkun vuċi għal ħaddieħor għaliex għalkemm hi rnexxielha tkompli b’ħajjitha u tieħu l-istat tagħha, saret taf li allegatament l-abbuż għadu għaddej.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks