Waħda mill-kwistjonijiet soċjali f’pajjiżna li tant hemm bżonn azzjoni dwarhom hija l-vjolenza domestika.

Sfortunatament, il-persuni li jiffaċċjaw vjolenza domestika, kemm nisa kif ukoll irġiel, ħafna drabi fis-silenzju, qegħdin dejjem jiżdiedu, b’uħud saħansitra jispiċċaw jitilfu ħajjithom.

Ċertament, Katia Desira, hija wiċċ familjari magħkom is-segwaċi, partikolarment minħabba l-involviment tagħha fil-qasam tal-ispettaklu.

Lil hinn minn dan, Katia hija omm ta’ ġuvni ta’ 17-il sena, li esperjenzat il-vjolenza domestika, iżda li rnexxielha tikseb ħajjitha lura u llum tinsab ukoll kuntenta f’relazzjoni.

Katia qasmet magħna din l-esperjenza, bit-tama li b’xi mod nagħmlu differenza lil dawk li għaddejjin minn sitwazzjoni simili.

Katia, sfortunatament, int ukoll għaddejt minn esperjenza ta’ vjolenza domestika. X’inhi l-istorja tiegħek? Ħudna lura lejn il-bidu sal-mument li feġġ xaqq ta’ tama għalik.

Meta kont iżgħar ma tantx kelli relazzjonijiet. Ta’ għoxrin sena ltqajt ma’ raġel barrani li bi kliemu kien tani x’nifhem li se nkun il-mara ta’ ħajtu. Kien ġuvni gustuż u l-kliem u ż-żegħil ma kienx jonqos. Talabni niżżewġu u bla ma ħsibtha darbtejn, għedtlu iva. Tlajna pajjiżu u żżewwiġt biċ-ċivil. Meta nżilna lura Malta rreġistrajna ż-żwieġ. Mill-bidu kif iżżewwiġna, kif kien hemm sens ta’ rabta, bdew il-manipulazzjoni u l-abbuż mentali. Minkejja li tkun fis-sitwazzjoni ma tindunax li tkun dħalt f’ċertu sqaq.

Wara 3 xhur miż-żwieġ inqbadt tqila. Bejn ma kinitx xi ħaġa li kont qed nippjana, l-abbuż kontinwu u manipulazzjoni, nuqqas ta’ maturità u bdil fil-hormones, kienu jtuni ħafna attakki ta’ paniku. Twieled it-tifel u s-sitwazzjoni bdiet issir mill-ħażin għall-agħar. Ippruvajt immur counselling u family therapy iżda kien kollu għalxejn. Darba fost l-oħrajn, meta t-tifel kien m’ommi, l-eks raġel tiegħi sar vjolenti għaliex jien ma bdejtx naqbel miegħu.

Spiss kont nittama li nsib il-kuraġġ u nqum fuq tiegħi u nitlaq. Qatt ma sibt is-saħħa, apparti li għalkemm fis-sitwazzjoni li kont, kont naħseb li nħobbu. Kien ir-raġel gustuż li nixtieq li jkolli maġenbi, missier ibni, kont tlaqt kollox, karriera, ħajja, ħbieb, teatru u dak kollu li nħobb. Wara dak l-episodju vjolenti sibt il-forza. Hu kien jaħseb li jien ma nasalx li nitlaq. Mingħajr ma għedt lil ħadd għamilt appuntament għand avukat u qatt m’erġajt dħalt lura fid-dar matrimonjali fejn konna nikru. Domt ħafna biex wasalt sa dak l-punt, iżda b’xi mod sibt il-kuraġġ li nitlaq.

X’kien wieħed mill-agħar episodji li esperjenzajt?

L-episodji kienu jkunu spissi, ħadd ma jkun jaf minn xiex tkun għaddejja għax mill-bieb ‘il barra l-aggressur ikun jagħti impressjoni oħra. Bla dubju l-agħar episodju kien meta saq f’post mudlam, ħariġni barra mill-karozza fuq ix-xaghri u heddidni bi swiss knife. Dak il-ħin tiffriża, ma tiċċaqlaqx u tħossok li diġà tlift ħajtek.

F’liema punt iddeċidejt li tagħmel il-pass biex tipprova toħroġ mis-sitwazzjoni li kont fiha?

Dak il-lejl kelli mmur lura fid-dar matrimonjali. Ma stajtx nagħlaq għajn m’għajn. Dak iż-żmien l-internet kien limitat. Anki l-mobile, u jien ma kontx insuq. L-għada filgħodu wara lejl mkisser għedt jew nerġa’ nibda mill-ġdid waħdi, inkella ibni se jgħix mingħajr ommu. Għażilt li nibda mill-ġdid.

Ħafna drabi tisma’ lil min jgħid “missha qabdet u telqet”. X’inhi r-reazzjoni tiegħek?

Meta tkun fis-sitwazzjoni, le mhux kemm taqbad u titlaq. Ikun hemm ħafna manipulazzjoni u theddid. Ħafna drabi anki fuq uliedek jew ħajtek. Le mhux la kemm tiġbor ħwejġek u titlaq.

Nisimgħu ħafna li jħeġġu lil min ikun għaddej minn sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika biex ifittex l-għajnuna. Iżda tħoss li tingħata biżżejjed għajnuna?

Risposta lixxa LE, għajnuna m’hawnx. Fejn se tmur mara li tkun tneżżet minn kollox, inkluż id-dinjità b’uliedha? Apparti li ma tingħata l-ebda protezzjoni.

Kemm hi aktar diffiċli biex tiffaċċja sitwazzjoni bħal din meta jkun hemm it-tfal preżenti f’ħajtek?

Persuna li jkollha l-ulied, iġġib ħafna drabi lilhom qabilha. Apparti li ma tkunx tixtieq li jittrabbew f’familja mkissra. Iżda aħjar f’familja mkissra, milli f’familja abbużiva.

Illum, tħossok ħielsa mit-trawma li għaddejt minnha?

Le, qatt ma tkun meħlus. Kull meta nisma’ jew niġi f’kuntatt ma’ persuna oħra li tkun għaddiet mill-abbuż jew xi trawma simili, b’mod jew ieħor nerġa’ nħoss ċerti ħsibijiet imtaqqla.

Xi tħoss meta tisma’ b’każijiet li jkunu għaddew minn sitwazzjonijiet simili ta’ dak li għaddejt minnhom int, iżda ma kellhomx iċ-ċans li joħorġu minnhom?

Inkun imdejqa u nħossni li ma nistax inkun utli. Inkun nixtieq ħafna nagħti parti minn “moħħi” ħalli jsib kuraġġ jimxi ‘l quddiem.

X’taħseb li huma l-problemi ewlenin li qed jirriżultaw f’vittma wara vittma? Fl-opinjoni tiegħek, x’hemm bżonn li jsir biex nipprevjenu milli dan jibqa’ jiġri?

Hemm bżonn għajnuna u assistenza primarjament li tkun aċċessibbli. Persuna li tkun għaddejja minn abbuż għandha jkollha servizz 24/7 li wieħed jista’ jaqbad u jmur. Ikun hemm assistenza ta’ kenn, protezzjoni u għajnuna psikoloġika, kemm għalik u anki għall-ulied. Jekk wieħed għandu jmur jagħmel rapport għandu jkun hemm pulizija mħarrġa kif wieħed għandu jaġixxi f’każi serji bħal dawn. L-aggressur ikun bniedem jasal, u m’hemmx rispett.

X’messaġġ tgħaddi lil min qed jaqra din l-intervista u għaddej minn esperjenza ta’ vjolenza domestika?

M’intix waħdek, fittex l-għajnuna, aċċetta li għalkemm tkun għamilt ċerti għażliet, għalik hemm ħajja u tasal tqum fuq saqajk u jkollok futur, aħjar waħdek milli f’abbuż. Ħaqqek dinjità u rispett.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks