Il-Papa Franġisku qal li tibda familja fl-Italja qed isir pass li s-sinjuri biss jistgħu jaffordjaw.
Waqt li kien qed jindirizza konferenza dwar il-kriżi demografika tal-Italja, il-Papa Franġisku qal li l-annimali domestiċi qed jieħdu post it-tfal f’ħafna djar.
L-Italja għandha waħda mill-inqas rati ta’ fertilità fl-UE u n-numru ta’ trabi mwielda niżel taħt l-400,000 is-sena li għaddiet.
Fid-diskors tiegħu f’Ruma, il-Papa qal li t-tnaqqis fir-rata ta’ trabi mwielda turi nuqqas ta’ tama fil-ġejjieni b’ġenerazzjonijiet iżgħar imtaqqlin minn sens ta’ inċertezza, fraġilità u prekarjetà.
Żied jgħid li d-diffikultà biex isibu impjieg stabbli, kirjiet għoljin u pagi baxxi huma problemi li qed jiffaċċjaw ħafna nies.
Il-Papa rrakkonta kif darba mara marret ħdejh, fetħet il-basket tagħha u qaltlu biex iberkilha t-tarbija tagħha. Huwa kompla jgħid li fil-basket kien hemm kelb żgħir. Stqarr li r-reazzjoni tiegħu ma kinitx daqstant pożittiva u qalilha “hawn ħafna tfal bil-ġuħ, u int iġġibli kelb?”
Ir-rati ta’ trabi mwielda qed jonqsu f’ħafna pajjiżi bħall-Ġappun, il-Korea t’Isfel, Puerto Rico u l-Portugall.
