Matul il-vjaġġ ta’ ħajjitna niltaqgħu ma’ diversi persuni bir-rwoli differenti. Mhux kulħadd jgħix ir-rwoli tiegħu bl-aħjar mod iżda dawk li jagħżlu li jagħmlu ħilithom biex jagħmlu dan, hu x’inhu r-rwol, huma teżori u barka għal ta’ madwarhom.
Jista’ wkoll ikollok ix-xorti li mhux biss tiltaqa’ magħhom iżda ssir tafhom u jsiru parti importanti minn ħajtek. Dan hu dak li ġara lili ma’ Maria Galea Farrugia, li ħafna minnkom tafuha bħala attriċi.
Fost il-ħafna rwoli li taqdi b’mod mill-aktar eżemplari, riċentament, Maria saret omm, u proprju f’dan il-jum, tkellimna dwar dan il-vjaġġ ġdid f’ħajjitha u x’differenza għamlet iċ-ċkejkna Georgie f’ħajjitha, u dwar kif l-imħabba ta’ ommha qed tirrifletti fir-rwol tagħha bħala omm.

Maria, kważi 4 xhur ilu, sirt omm taċ-ċkejkna Georgie. X’tiftakar mill-mument li sirt taf li se tkun omm?
Kien proprju fix-xahar ta’ Mejju 2022 meta sirt naf li se nsir omm għall-ewwel darba. L-emozzjonijiet kienu diversi, ferħ, biki, niġri mad-dar kollha…eċitament kbir. Bdejt ngħid bejni u bejn ruħi, “imma żgur? Imma din veru jew qed noħlom?” Wieħed mill-isbaħ mumenti ta’ ħajjitna, ġurnata li jiena u Ryan nitkellmu ħafna dwarha, ġurnata għal qalbna ħafna.
Kif tiddeskrivi l-mument li finalment twieldet Georgie?
Il-mument li twieldet Georgie kien indiskrivibbli. Ma stajtx nemmen kif dik it-tifla ċkejkna kienet ġewwa fija sa ftit tal-mumenti qabel. L-emozzjonijiet li ħassejt dakinhar ma stajtx nispjegahom imma l-iżjed kienet l-imħabba li ħassejt lejn din iċ-ċkejkna. Inħares lejha u nara kollox maħluq perfett, dawk is-swaba ċkejknin, dak l-imnieħer żgħir żgħir, bdejt ngħid din it-tifla tiegħi? Kemm hu kbir il-Bambin.

Tħoss li biddlitek Georgie? X’differenza għamlet fik?
Georgie tatni skop ġdid f’ħajti. Hi kollox għalija, ħajti ndawwarha mal-bżonnijiet tagħha. Ġimgħa wara ġimgħa naraha tagħmel affarijiet ġodda, tikber u tinbidel. Imlietli qalbi b’ħafna ferħ u emozzjoni li qatt ma kont esperjenzajt qabel.
Kif qed tadattaw għar-rutina ġdida?
Inħoss li adattajna tajjeb ħafna għar-rutina differenti immens minn kif kellna qabel. In-nuqqas ta’ rqad fil-bidu ma kienx faċli u kellna mumenti tad-daħk, meta saħansitra darba qam Ryan billejl jistaqsini fi x’ħin ġej il-warden minflok x’ħin kien sar! Imma nista’ ngħid li iżjed kemm jgħaddu ġranet iżjed adattajna, bl-għajnuna tal-familjari li kienu hemmhekk għalina mill-bidu nett. Il-fatt li nitqassmu u naqsmu x-xogħol bejnietna tgħinna biex it-tnejn li aħna nsibu ċans nistriehu u naraw li ta’ kull filgħaxija għandna ħin flimkien it-tlieta li aħna nitkellmu u nevalwaw il-ġurnata tagħna.

Tħoss li l-fatt li int u Ryan tmexxu childcare u allura xogħolkom jirrikjedi li tieħdu ħsieb tfal ta’ età żgħira ħafna, qed jgħinkom f’dan il-vjaġġ ġdid tagħkom bħala ġenituri?
Il-fatt li naħdmu mat-tfal u li għandna għarfien dwar ċerti affarijiet għenitna żgur u għamlitha iżjed faċli però xorta hemm ħafna fatturi ġodda li ġejna esposti għalihom għall-ewwel darba.
X’tip ta’ omm tixtieq li tkun għal Georgie?
Għal Georgie jiena nixtieq li nkun omm eżemplari bħal ma dejjem kienet ommi għalija. Li tieħu gost fil-kumpanija tiegħi, li tfittex li nagħmlu ħafna memorji flimkien, li nkun l-ewwel persuna li tfittex meta hi jkollha bżonn xi ħaġa, li tkun taf li jien dejjem ħa nkun hemm warajha biex nissapportjaha f’kull ħaġa li ħa tkun qiegħda tagħmel fil-ġrajja ta’ ħajjitha.

Minn dak li esperjenzajt s’issa, kieku kellek tagħti tliet pariri lill-omm li qed tistenna tarbija, xi jkunu?
Żgur, bla dubju li din hija l-isbaħ esperjenza fil-ħajja ta’ mara. Lil min qed jistenna tarbija jiena ngħidlu tliet affarijiet mill-isbaħ li verament nemmen fihom; li jgawdi kull ġurnata u japprezza li ġo fih qed tikber ħajja ġdida, li kull sintomu li qiegħda tħoss huwa għaliex ġo fik qed iseħħ miraklu u l-aħħar waħda, li jgħixu ġurnata b’ġurnata u jżommu memorja u tifkira ta’ dawn ix-xhur mill-isbaħ.

Kieku tista’ tbiddel xi ħaġa mid-dinja tal-lum biex tipproteġi lil Georgie minnha, xi tkun?
Kieku nista’ nbiddel xi ħaġa tkun in-negattività li sar hawn fid-dinja ta’ madwarna. Il-ħajja hija verament qasira u jekk hemm xi ħaġa li nixtieq ngħallem lil Georgie hija li tkun pożittiva għax il-ħajja hija sabiħa u għandna nippruvaw ngħixuha bl-aħjar mod possibbli.
Kif tiddeskrivi r-relazzjoni mal-mamà tiegħek?
Ir-relazzjoni tagħna hija sabiħa ħafna. Kuljum inċemplu lil xulxin b’video calling u ħafna drabi nqattgħu tul ta’ ħin nitkellmu. Niltaqgħu ta’ spiss ukoll u noħorġu ħafna flimkien. Għandna gosti simili ħafna ta’ ħafna affarijiet allura nfittxu ħafna l-kumpanija ta’ xulxin flimkien ma’ oħti l-kbira li għalkemm huma ommi u oħti imma nqishom bħala l-akbar ħbieb li qatt jista’ jkolli u dejjem kienu ta’ sapport kbir ħafna għalija speċjalment fiż-żmien li twieldet Georgie.


Liema huma l-memorji li għandek mal-mamà mit-tfulija tiegħek li l-aktar li tgħożż?
Il-memorji huma diversi u huma mill-isbaħ li ngħożż ħafna. Ftit mill-isbaħ li huma għal qalbi huma l-ħruġ tagħna flimkien ma’ missieri u ħuti. Ħruġ u attivitajiet mal-kuġini u z-zijiet u d-dar nilagħbu u nsajru flimkien. Memorja ta’ kull sena li tibqa’ dejjem għal qalbi hija waqt żmien il-Milied, narmaw id-dar, nisimgħu u nkantaw id-diski ta’ Milied.
X’tixtieq tgħaddi lil Georgie minn dak li l-mamà għaddiet lilek?
Lil Georgie nixtieq ngħaddilha ħafna kwalitajtiet iżda l-iżjed waħda importanti għalija hija l-motto ta’ ħajti. “The happiest people are the givers.” Din hija kwalità li ommi u missieri għaddew lili u li nipprova ngħixha kuljum ma’ dawk ta’ madwari u bla dubju ngħallimha lill-għażiża tiegħi Georgie.
X’messaġġ tgħaddi lill-mamà tiegħek?
Lil ommi nghidilha li waħda mill-ikbar xewqat li għandi għal Georgie hija li ngħix għaliha bħal ma hi għexet għalina. Li nitlob kuljum li l-Bambin jagħtiha iżjed żmien biex ingawdiha kemm jista’ jkun, li hi għalija hija eżempju perfett ta’ x’jiġifieri tkun omm tajba u eżemplari. Grazzi Ma, bħalek ma nsib qatt.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk l-ommijiet li għal xi raġuni jew oħra qegħdin isofru, ħafna drabi fis-silenzju?
Lil dawk l-ommijiet li ghadejjin minn xi tip ta’ tbatija ngħidilhom sabiex ifittxu l-għajnuna u ma jsofrux weħedhom fis-silenzju. Li jsibu ħin li jgħidu talba kuljum ma’ dawk ta’ madwarhom u l-għeżież tagħhom.

Direttriċi u Editriċi