“Nistgħu ma’ naqblux, imma huwa importanti ħafna li nittolleraw id-deċiżjonijiet ta’ xulxin. Kulħadd għandu dritt li jgħix kif jixtieq.”

Dan huwa wieħed mill-punti li qajmet Sarah Aquilina f’kuntatt li Skoperta għamlet magħha llum fil-Jum Internazzjonali kontra l-omofobija, it-transfobija u l-bifobija.

Sarah Aquilina, li tagħmel parti mill-komunità trans, saħqet li kulħadd għandu dritt li jkollu l-libertà li jgħix kif jixtieq mingħajr ma jiffaċċja b’xi tip ta’ vjolenza jew diskriminazzjoni.

Fil-fehma tagħha, fejn jidħlu liġijiet sar progress kbir tant li temmen li hemm biżżejjed. Madankollu, Sarah tisħaq li l-kwistjonijiet li jeħtieġu li jiġu meqjusa bħala prijoritajiet f’pajjiżna huma x-xogħol, il-karriera u s-servizzi tas-saħħa.

Fi żmieni ma kienx hemm opportunitajiet, speċjalment ta’ xogħol u nemmen li bħala pajjiż għadna lura ħafna.
Sarah Aquilina

Sarah, li ilha madwar 7 snin tgħix l-Ingilterra, tistqarr li meta madwar sentejn ilu, reġgħet ippruvat tinżel Malta u ssib xogħol, għal darb’oħra, reġgħet sabitha diffiċli.

Jien biex sibt karriera u futur kelli nitlaq barra minn pajjiżi.
Sarah Aquilina

Min-naħa l-oħra, l-Ingilterra, Sarah setgħet tibni l-karriera tagħha bħal kulħadd, mingħajr l-ebda xkiel, tant li llum il-ġurnata tmexxi lukanda.

Sarah tisħaq li hi u oħrajn, ma jridux xi trattament speċjali u lanqas, fil-fehma tagħha, aktar liġijiet, iżda l-istess opportunitajiet u servizzi bħal kull individwu sabiex jgħixu ħajjithom b’dinjità u serħan il-moħħ.

Enfasizzat ukoll li għandhom jingħataw importanza is-servizzi tas-saħħa b’mod partikolari dawk relatati ma’ proċeduri li jkollhom bżonn jagħmlu persuni trans li jiswew ħafna flus, u li għadhom ma jaqgħux taħt is-servizzi tas-saħħa nazzjonali.

Saħqet li meta persuna jirnexxielha tibni l-karriera tagħha, tkun tista’ tgħix ħajjitha aħjar u tagħti s-sehem tagħha fil-pajjiż.

Ħeġġet ukoll lill-persuni trans biex jagħmlu l-parti tagħhom u jsemmgħu leħinhom, jipparteċipaw f’diskussjonijiet pubbliċi u anki jidħlu fil-politika.

Fil-fatt, għalkemm Sarah tgħix l-Ingilterra, xorta waħda ssemma’ leħinha u taqsam l-esperjenzi ta’ ħajjitha permezz ta’ Instagram.

Sarah qalet li tittama li l-mentalità ta’ dawk li għadhom iħarsu lejn persuni trans bħala “fantasija” u “oġġett” tinbidel. Żiedet tgħid li din il-mentalità ilha żmien twil u sfortunatament għadha sal-lum il-ġurnata, fil-fatt stqarret li meta tinżel Malta hija wkoll tiffaċċja persuni b’din it-tip ta’ mentalità waqt li tkun miexja fit-triq.

Aħna umani, għandna qalb u nħossu bħal kulħadd, għandna demm bħal kulħadd. Għandna niġu ttrattati b’dinjità u rispett bħal kulħadd.
Sarah Aquilina

Fl-aħħar nett Sarah qalet li għandna nibqgħu niġġieldu sabiex persuni trans ikunu jistgħu jgħixu u jgawdu ħajja bħal ħaddieħor u tittama li jekk dan iseħħ, tkun tista’ tirritorna lejn pajjiżha.

Sarah wasslet ukoll messaġġ liż-żgħażagħ biex jibqgħu sodi u ma jaqtgħux qalbhom. Ħeġġithom jitkellmu ma’ nies fil-komunità li jistgħu jgħinuhom, inkluż magħha personali li lesta li tagħti l-pariri u tiggwidahom mill-esperjenzi li għaddiet minnhom hi stess.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks