Fost ħafna li bħalissa qiegħdin jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom fuq il-produzzjoni kontroversjali, Love Island Malta, hemm Josephine.
Waqt il-programm TVAM, ippreżentat minn Keith Demicoli, Josephine qasmet l-opinjoni tagħha dwar il-programm wara li ġiet mistoqsija jekk tixtieqx tkun fuq Love Island Malta.
Josephine qalet li minkejja li mhix issegwi l-programm, qed tkun taf x’inhu jiġri u r-reazzjonijiet tan-nies permezz ta’ Facebook.
Hija qalet li Malta pajjiż żgħir fejn kulħadd jaf lil xulxin u li bħala omm u nanna ma tiħux gost kieku tara lil bintha jew lit-tifla ta’ bintha “tinqaleb ġos-sodda ma’ wieħed ma tafux minn Adam”. “L-imħabba mhix fis-sodda,” issostni Josephine.
Josephine irrimarkat li għalkemm mhux kulħadd, ċerti Maltin għandhom ilsienhom ħażin. Din hija proprju waħda mir-raġunijiet li Josephine ma tiħux gost li kieku bintha jew it-tifla ta’ bintha tipparteċipa fi produzzjoni bħal Love Island Malta.
Hija qalet li mir-reazzjonijiet li rat fuq Facebook, l-iktar ħaġa li biha ddejqu n-nies kienet li l-kontestanti qed jitkellmu bl-Ingliż u b’mod li qed jiġi interpretat bħala “qżież”. “Malta qegħdin u aħna Maltin. Għala nistħu nitkellmu bil-Malti?” staqsiet Josephine.
Semmiet ukoll kif xi ħadd irrimarkalha kif titkellem bid-djalett fuq il-PBS. “Niggarantilek li ħafna nies jistednuni għax nitkellem bid-djalett,” qalet lil Keith.
Bħala risposta għall-mistoqsija jekk tidħolx f’Love Island Malta, Josephine wieġbet li kieku jkun “suret in-nies” tidħol.
