M’ilux qgħadt nara x-xita nieżla qatra, qatra waħda wara l-oħra. Dan ir-ritmu kajman u seren fl-istess ħin fakkarni kemm irrid nieħu paċenzja bija nnifsi. Ġieli ninsa li jien bniedma u mhux robot, u apparti minn hekk għandi l-limitazzjonijiet li toħloqli l-kundizzjoni tas-Cerebral Palsy.

Ix-xita tinżel f’forma ta’ qatra għax jekk tiinżel gelgul f’ daqqa tgħerreq kull m’hawn. Kultant, anke l-affarijiet l-iżjed utli u tajbin, mhux bilfors li nkun nista’ nagħmilhom, meta, kif u kull meta rrid jien. Ir-ritmu kwiet li bih beda nieżel il-qtar tax-xita ġegħelni nirrealizza kemm għandi problema biex naċċetta l-proċess tal-istennija.

Din il-mentalità li jien għandi dritt nagħmel li rrid, basta ma nweġġa’ jew nurta lil ħadd daħlet f’kull sfera ta’ ħajjitna. Iżda sfortunament il-ħajja għandha l-modi misterjużi tagħha kif timpendina għal kollox minn dak li nkunu nixtiequ nagħmlu.

U mhux bilfors ħa jkun hemm spjegazzjoni għaliex xi affarijiet ma jsirux fil-ħajja, dan bħal meta x-xita ġieli tinżel qatra qatra, u daqqa tagħmel bil-qliel. Il-ħajja kollha ċikli, imma mbagħad jeżistu episodji fejn toffri xi sorpriżi għax taqbeż xi ċiklu u jiġri xi ħaġa li ma tkunx fin-normal li tiġri.

Qatra, qatra u kelma wara kelma qed nasal fit-tmiem ta’ dan l-artiklu. U hekk kif ix-xemx bil-lajma l-lajma qed issellem jum ieħor, jien f’qalbi qed nistaqsi lili nnifsi, jekk ntagħġintx biżżejjed ma’ dak kollu li offrietli l-ħajja llum, b’tali mod li kull ċirkostanza ħalliet fija sens ta’ trankwilità assoluta.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks