Matul it-tmien snin li ilha mwaqqfa, The Malta Trust Foundation għamlet differenza kbira fil-ħajja ta’ ħafna tfal u l-familji tagħhom.
Permezz ta’ The Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li hija l-fundatriċi u ċ-chairperson tal-fondazzjoni, tgħin partikolarment lil tfal neqsin mid-dawl, tfal li jgħixu bl-awtiżmu u tfal li ma jikkomunikawx b’mod verbali.
L-għajnuna tingħata billi fost diversi servizzi, jingħata apparat li bih it-tfal ikunu jistgħu jikkomunikaw.
Fost dawn it-tfal hemm Eli. Lil Eli u l-familja tiegħu, The Malta Trust Foundation tathom tama ġdida u serħan il-moħħ.
Permezz tal-apparat li ngħata, Eli mhux biss jista’ jikkomunika teknoloġikament iżda jgħinu sabiex jikkomunika aħjar verbalment ukoll.
Omm Eli tispjega kemm dan l-apparat ta serħan il-moħħ għall-fatt li taf li t-tifel, ikun fejn ikun, jista’ jesprimi ruħu u jikkomunika faċilment. “Ma nistax nispjega fi kliem kemm ifisser għalija l-fatt li naf li jista’ jesprimi ruħu.”
Viżibilment emozzjonata, omm Eli tfakkar il-mument li għall-ewwel darba semgħet lil binha jgħidilha li jridha. “Kliem li qatt ma ħsibt li se nisimgħu jgħid.”
Dwar il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, omm Eli qalet li qatt ma ltaqgħet ma’ persuna li tifhem u rassikuranti daqsha. “Għandna bżonn aktar nies bħalha.”
Maratona għat-tfal kollha, kollha, kollha, nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju, mill-11 ta’ filgħodu sal-11 ta’ billejl fuq l-istazzjonijiet lokali kollha.
Bid-donazzjoni tiegħek se tkun qed tgħin lil The Malta Trust Foundation tkun ir-raġġ ta’ dawl f’mina mudlama ta’ ħafna tfal u l-familji tagħhom.
