Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Meta, Mark Zuckerberg ħabbar li aġġornament fuq WhatsApp se jkun qed jippermetti li wieħed jagħlaq l-aċċess għall-konverżazzjonijiet kif ukoll jaħbihom.
Dan ħabbru fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, fejn qal li b’dan l-aġġornament, li qed jissejjaħ bħala Chat Lock, wieħed se jkun jista’ jżomm il-konverżazzjonijiet tiegħu aktar privati.
Dan għaliex il-konverżazzjonijiet se jkunu moħbija f’folder li l-aċċess għalih ikun protett bil-password jew bil-marki tas-swaba’ tiegħek, eżattament kif taċċessa l-mobile tiegħek, u allura n-notifiki ma jurux il-kontenut tal-messaġġ jew min ikun bagħtu.
Il-kumpanija qalet li dan l-aġġornament huwa maħsub l-aktar għal nies li għal xi raġuni, kultant ikollhom jaqsmu l-mobile ma’ membri tal-familja jew dawk il-mumenti fejn xi ħadd ikun qed iżomm il-mobile tiegħek fil-mument li jidħol messaġġ.
Qalet ukoll li matul ix-xhur li ġejjin se tkun qed iżżid aktar għażliet għaċ-Chat Lock, inkluż li għall-konverżazzjonijiet wieħed ikun jista’ juża password differenti minn dik li juża biex jaċċessa l-mobile tiegħu.
Int x’taħseb dwar dan?
