Suġġett li bħalissa qed iqajjem kontroversja f’pajjiżna huwa dak relatat mal-lingwa Maltija, partikolarment fejn jidħlu produzzjonijiet televiżivi Maltin.
Il-lingwa Maltija tiftaħ ħafna punti li wieħed jista’ jiddiskuti u jargumenta dwarhom.
Iżda bħalissa, minn kemm ilu li beda Love Island Malta, ħafna qed jilmentaw, jum wara jum, dwar il-fatt li fil-biċċa l-kbira ta’ dak li qed jintwera, il-kontestanti qed jitkellmu bl-Ingliż.
Hemm oħrajn li mhumiex jiddejqu li l-kontestanti jitkellmu bl-Ingliż, iżda li l-Ingliż qed jiġi mitkellem b’ċertu mod li ħafna qed jinterpretawh bħala “ksuħat”.
Oħrajn assolutament ma jaqblux li fi produzzjoni Maltija tintuża lingwa oħra minbarra jew minflok il-Malti.
Produzzjonijiet televiżivi Maltin għandhom ikunu kompletament bil-lingwa Maltija?
Ta’ min wieħed jinnota wkoll li huma ħafna li jilmentaw kemm-il darba dwar li wieħed jagħżel li jitkellem bl-Ingliż minflok bil-Malti, iżda huma ħafna inqas l-ilmenti dwar li wieħed li jitkellem bil-Malti, ma jitkellimx b’Malti sew.
Int x’taħseb dwar dan?
