Ir-rebbieħ ta’ American Idol Iam Tongi emozzjona ruħu waqt l-interpretazzjoni kommoventi tiegħu mal-kantant Ingliż James Blunt, tal-kanzunetta Monsters.
Il-kanzunetta Monsters, li James Blunt innifsu ħareġ fl-2019, hija dik li Iam Tongi kanta waqt l-awdizzjoni tiegħu f’American Idol.
Waqt il-prestazzjoni, li emozzjonat mhux biss lil Iam u l-ġurija iżda wkoll lil dawk kollha kienu qed isegwu, Blunt, ta’ 49 sena, poġġa idejh fuq l-ispalla ta’ Tong xħin raħ emozzjonat, u fl-aħħar nett temmew il-kanzunetta b’tgħanniqa.
Il-kanzunetta Monsters inkitbet għal missier Blunt, Charles, li dak iż-żmien kien qed jissielet marda kronika tal-kliewi u kien qed jistenna donatur. Aktar tard sarlu trapjant tal-kliewi li kien suċċess.
Iam Tongi, student ta’ 18-il sena minn Kahuku, il-Hawaii, saħħar u emozzjona lill-ġurija diversi drabi matul dan l-istaġun u ma naqasx milli jagħmel dan fl-aħħar programm fejn saħansitra ġie magħżul bħala r-rebbieħ.
Mumenti emozzjonanti li spikkaw waqt l-aħħar programm kienu dawk waqt l-interpretazzjoni tal-kanzunetta oriġinali tiegħu I’ll Be Seeing You, kif ukoll dak waqt id-dwett ma’ James Blunt.
Bħal ma għamel matul l-istaġun kollu, Tongi ddedika ż-żewġ interpretazzjonijiet lil missieru li ħalla din id-dinja, u li kien dak li kebbes fih l-imħabba għall-mużika.
