Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Dom, wieħed mill-parteċipanti ta’ Liquorish, qasam waħda mill-problemi li l-biċċa l-kbira tal-poplu Malti jiffaċċja kuljum u li kull ma jgħaddi ż-żmien qegħdin jiżdiedu, it-traffiku.
F’kitba li tella’ flimkien ma’ żewġ filmati, li juru lilu jidderieġi t-traffiku, Dom qal li jsibha diffiċli jifhem għaliex l-awtoritajiet jonqsu milli jibagħtu lil xi ħadd biex jidderieġi t-traffiku, speċjalment fil-ħinijiet li l-iktar ikun hemm traffiku f’Santa Venera u Ħal Qormi.
“Spiċċajt nieħu r-riedni f’idejja u nidderieġi t-traffiku jien personalment biex nagħmlu naqra progress u nkun nista’ nasal ix-xogħol fil-ħin, peress li ħadd ma deher lest li jċedi,” stqarr Dom.
Huwa żied jgħid li hija tassew frustranti li kulħadd jilmenta dwar il-konġestjoni tat-traffiku, iżda jidher li hemm nuqqas ta’ rieda li tittieħed azzjoni.
Appella wkoll lil Transport Malta biex din il-problema tingħata l-attenzjoni meħtieġa. “Jekk jogħġobkom, ħudu nota, ftit gwida u direzzjoni jistgħu jagħmlu differenza sinifikanti biex tissolva din il-problema.”
