F’kuntatt li għamilna mal-artist Mark Borg, kellimna dwar l-aħħar skultura tiegħu, li hija waħda partikolari ħafna.
Eva hija skultura maħduma kollha kemm hi minn materjal riċiklat. Il-forma eleganti u senswali tal-mara fl-iskultura tirrappreżenta s-sinfonija, is-sbuħija, is-saħħa u l-kuraġġ tas-sess femminili.

“L-iskultura hija maħduma minn woxers riċiklati li huma wweldjati flimkien. Il-filugran huwa magħmul minn ram isfar li ġie mdewweb u maħdum minn skrataċċ. Wara ngħata l-forma ta’ wajer biex b’hekk ikun jista’ jinħadem ir-rizzol u l-vultar, żewġ elementi essenzjali li jintużaw biex jinħadem il-filugran. Eva hija skultura sostenibbli li biha qed noffru tama ġdida għas-snajja’ tal-filugran li maż-żmien qiegħda tmut,” spjegalna Mark Borg.
Mark Borg, ilu jaħdem din is-snajja’ minn mindu kellu 13-il sena u huwa magħruf għall-arti kontemporanja u kinetika fil-qasam tiegħu.
