Simon Cowell kiser ir-regoli ta’ Britain’s Got Talent hekk kif ta l-Golden Buzzer lil grupp ta’ żeffiena, minkejja li l-Golden Buzzers kienu ntużaw kollha.
Il-grupp ta’ żeffiena, li huma żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena, taw prestazzjoni mill-aqwa tant li b’sorpriża għal kulħadd, Simon Cowell ta’ 63 sena, tahom il-Golden Buzzer.
Iżda l-iktar li spikka kien il-messaġġ inkredibbli wara l-prestazzjoni tal-grupp bl-isem ta’ Unity, li juri l-importanza tad-diversità u li persuna tħaddan dak li verament hi.
Bdiet iż-żifna waħda miż-żeffiena tal-grupp, li tgħix bid-down syndrome. Waqt li żifnu b’tant passjoni mal-kanzunetta The Village ta’ Wrabel, membri oħra tal-grupp resqu ‘l quddiem bil-messaġġi ta’ ispirazzjoni tagħhom.
Dawn iż-żeffiena, li wħud minnhom żifnu wkoll fil-ftuħ tas-serata finali tal-Eurovision Song Contest, irnexxielhom jimpressjonaw u jemozzjonaw mhux biss lill-ġurija iżda wkoll lil dawk preżenti tant li tawhom standing ovation.
Ir-regoli jippermettu li l-ġurija jagħtu Golden Buzzer waħda biss kull wieħed f’kull staġun.
“Il-mod kif wassaltu l-messaġġ tagħkom kien tant qawwi, u hija awdizzjoni li mhu se ninsa qatt. Ma fadalx aktar Golden Buzzers…imma kultant, inħoss li għandek tikser ir-regoli!” qal Simon Cowell qabel tahom il-Golden Buzzer.
