L-esaġerazzjoni f’kollox ħażina.

Kulħadd jafhom l-istejjer tal-Imperatur li kien mingħalih liebes il-ħwejjeġ, imma fil-fatt kien vittma ta’ ċajta goffa ta’ tnejn min-nies li kien jafda, u dik tal-ġuvni li biex salva lil missieru, mar quddiem is-Sultan liebes xibka, għax dan qallu biex imur quddiemu ‘liebes, iżda għarwien’.

Illum, dawn l-istejjer qed narawhom li saru verità; ħwejjeg li mhux ħwejjeġ, bħal xi par leggings qishom impittra, mhux milbusin, u flokkijiet trasparenti u qliezet imċarrta u mtaqqba’ li iżjed għandhom toqob milli drapp.

Kien hemm żmien meta l-ħwejjeġ kienu jpaxxuk, minbarra li jipproteġu d-dinjità ta’ min jilbishom; ilbies mirqum li jżomm id-dekor u d-dixxiplina. Ħadd ma kien jażżarda jmur il-knisja bla kmiem, jew bil-flipflops, jew b’qalziet jew dublett ‘il fuq mill-irkoppa.

Kien hemm kodiċi mhux miktuba dwar x’hinu aċċettabbli, u x’mhuwiex, u kien hemm sfilati tal-moda msejħin “Mary-like” għax il-ħwejjeġ kienu puliti, sbieħ, u jibżgħu għall-pudur ta’ min jilbishom. Daż-żmien, jgħidulek li meta eleganti kuljum, tkun ‘klassist’ u ‘elitist’.

Jekk tixtri qalziet u jiġik twil, u xxammarlu l-keffa, issib min jidhaq bik. Jekk ikollok jeans li jkun beda jitfi, jgħidulek biex tiekol inqas, sabiex tfaddal u tixtri ieħor. Morna minn qalziet bit-tinja spjanata, għal ħwejjeg li lanqas naffar ma jkun iridhom, kieku seta’ jagħżel.

Bl-iskuża tal-moda, iżda, hawn min jinsa li l-ġisem huwa tempju tal-Ispirtu s-Santu, u li aħna maħluqin fuq ix-xbiha t’Alla. L-ironija hi li lit-tfal inlibbsuhom qishom adulti żgħar, u l-adulti jilbsu qishom tfal li ma jixjieħu qatt, u n-nies li suppost jagħtu eżempju jilbsu ħwejjeġ li mingħalihom ser jagħmluhom popolari mal-pubbliku.

X’gost fih qalziet li qisu mtebba’ bit-tajn jew mikul mil-kamla, jew li qisu kien tan-nannu?

Hawn min jgħidlek li biex tkun komdu, ‘ma tistax’ tkun ‘diċenti’, għax il-kmiem u l-qliezi jsaħħnu u ma tkunx tista’ tiċċaqlaq. Jinsew li l-ħwejjeġ suppost li jipproteġu l-ġisem, kemm fiżikament u kemm moralment. Jgħidulek li jilbsu ‘qishom’ bl-addoċċ biex juru li mhumiex vanitużi, u fl-istess ħin, jiftaħru kemm nefqu flus fuq dak il-flokk li qisu mtebba’, u fuq qalziet li fih ħames tiċritiet. Jgħidulek li issa hekk moda, u li dak hu l-istil personali tagħhom, bla ma jindunaw li qed imeru lilhom innifishom.

Ħajjata prima ddum iddawwar id-drapp li jkun fih disinn, biex dan bl-ebda mod ma jiġbed l-attenzjoni lejn postijiet suġġestivi; iżda disinjatur tal-moda jara kif jagħmel u jesponihom, biex jagħmel furur.

Biex l-ilbies ikun modest, u moralment jew soċjalment aċċettabbli, m’għandux għalfejn ikun qisu kutra li tgeżwrek minn rasek sa saqajk. L-esaġerazzjoni f’kollox ħażina.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks