Bosta familji qed jesprimu fuq il-midja soċjali, it-tħassib tagħhom dwar x’se jiġri mill-għeżież tagħhom li jinsabu residenti fid-dar tal-anzjani ta’ Bormla.
Dan wara li ħarġet l-aħbar, li ġiet ukoll ukoll ikkonfermata mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, li d-dar tal-anzjani ta’ Bormla se tkun qed tagħlaq għal xi żmien.
Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva kkonferma dan fi stqarrija fejn qal li dan se jkun qed isir biex issir ħidma estensiva fid-dar li twassal biex l-infrastruttura qadima tinbidel f’waħda moderna u tal-ogħla livell.
Dan ifisser li r-residenti li jinsabu fid-dar tal-anzjani ta’ Bormla se jiġu rilokati fi djar tal-anzjani oħra.
Ħafna li għandhom l-għeżież tagħhom f’din id-dar qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar dan, b’uħud minnhom jilmentaw li ħadd ma avżahom dwar dan u li saru jafu b’din l-aħbar minn fuq l-aħbarijiet.
Oħrajn qed jinkwetaw dwar x’impatt dan jista’ jħalli fuq l-għeżież tagħhom, partikolarment fuq dawk li jgħixu bid-dimenzja, minħabba li għalihom tkun aktar diffiċli li jadattaw f’ambjent ġdid.
Fl-istqarrija, il-Ministeru qal li fil-jiem li ġejjin se tkun qed issir komunikazzjoni u djalogu mar-residenti u l-qraba tagħhom dwar ir-rilokazzjoni.
