Celine Dion ħassret il-kunċerti kollha li kellha ppjanati għal din is-sena u s-sena d-dieħla minħabba li għadha mhix b’saħħitha biżżejjed wara li ġiet iddijanjostikata b’kundizzjoni newroloġika rari.

Il-kantanta, ta’ 55 sena, ħabbret dan fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tagħha. “Jiddispjaċini ħafna li għal darb’oħra qed niddiżappuntakom,” qalet lis-segwaċi tagħha.

Is-sena l-oħra, Celine Dion żvelat li qed issofri minn kundizzjoni bl-isem ta’ Stiff Person Syndrome, u li kienet qed taffettwalha wkoll il-kordi vokali tant li mhix qed tkun tista’ tkanta kif tixtieq.

F’Diċembru tal-2022, permezz ta’ vidjow emozzjonali, kienet ukoll ħassret kunċerti li kellha ppjanati għal Frar.

Fl-aħħar stqarrija tagħha, Celine Dion qalet li anki jekk b’qalbha maqsuma, ikun aħjar li tħassar kollox sakemm tkun verament lesta biex terġa’ titla’ fuq il-palk.

“M’iniex qed naqta’ qalbi, u ninsab ħerqana biex nerġa’ narakom!” assigurat lis-segwaċi tagħha.

Madankollu, f’rapport ippubblikat mis-CNN, intqal li sors qrib tal-kantanta qal li tinsab muġugħa ħafna u jista’ jkun li Dion ikollha tieqaf għalkollox mit-tours tagħha.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks