L-attur Amerikan Al Pacino, flimkien mat-tfajla tiegħu ta’ 29 sena, Noor Alfallah, qed jistenna r-raba’ wild tiegħu fl-età ta’ 83 sena.

Il-midja Amerikana rrappurtat li din ġiet ikkonfermata mir-rappreżentanti tiegħu.

Meqjus bħala wieħed mill-akbar u l-aktar atturi influwenti tas-seklu 20, l-istilla ta’ Godfather u Alfallah ilhom flimkien mill-pandemija tal-Covid-19.

Pacino diġà għandu tlett itfal, tnejn ma’ Beverly D’Angelo u waħda ma’ Jan Tarrant.

F’karriera ta’ aktar minn ħames deċennji, Pacino ħadem f’The Irishman, The Godfather, Scarface u Scent of a Woman, fejn rebaħ Oscar għall-aħjar attur għal dan tal-aħħar.

Alfallah taħdem fl-industrija tal-films u pproduċiet films bħal Billy Knight, Little Death u Brosa Nostra.

Preċedentement kienet toħroġ mal-mużiċist Mick Jagger fl-2017.

Attur li ħadem ma’ Pacino f’The Godfather Part II, Robert de Niro, dan l-aħħar ħabbar li sar missier għas-seba’ darba fl-età ta’ 79 sena.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks