Pinokkju! Kanzunetta mill-festival Konkors Kanzunetta Indipendenza 2015. Forsi ftit jiftakruha, imma titkellem dwar persuna li tħossha mweġġa’ għax dak li ġie mwiegħed minn kandidat ma wasalx.

Mhux qed nitkellem dwar jekk il-partiti iwettqux dak li jwiegħdu. Imma dwar għalfejn il-kandidati elettorali jagħmlu wegħdi ma’ kostitwenti, anki jekk jafu li diffiċli jinżammu. Normalment persuna jagħżel li jivvota lil partit, imbagħad jagħżel ma’ liema “żiemel” se jintefa’.

U għalhekk, kandidat jispiċċa f’tellieqa għall-voti ma’ kandidati tal-istess partit tiegħu. In-nies tagħżel kandidat A minn B (wara li tkun għażlet il-partit) fuq il-bażi dwar kemm hu minn tagħna; kemm hu faċli li tikkomunika miegħu (bħalissa); kemm jaf jitkellem (u anki kemm jaqla’ lil ta’ kontrina); u għaliex le dwar kemm jagħmel festini u ikliet tajbin.

Tiskanta kemm fis-sena (jew ftit aktar) ta’ qabel l-elezzjoni, il-kandidati jsiru dilettanti tal-festi; tal-futbol; snooker u kull sport ieħor. Isiru dilettanti ukoll tal-Ġimgħa l-Kbira. Jagħmlu reklami fuq il-fuljetti li joħorġu l-għaqdiet.

Imbagħad jintilef l-interess fl-isport u l-kultura.

Min jaf kieku nibdew nivvutaw għall-partiti? Fuq kollox aħna li nirbħu jinteressana. Kieku jinqatgħu l-wegħdi fiergħa (ta’ lanqas mill-kandidati). Kieku nivvutaw għall-partiti, kieku forsi l-partiti ż-żgħar li forsi jġibu 4000 vot minn Malta u Għawdex kollu, tal-anqas ikunu xorta rrapreżentati fil-parlament.

Imma żomm ftit. Aħna rridu bidla fis-sistema? Jew komdi u b’rasna mistrieħa hekk? Forsi għax meta jkollna bżonn intervent “divin” nafu li nistgħu mmorru nkellmu lil “dak” jew “dik”. U nafu li se jkollhom jisimgħuna għax midjunin lejna. Nuruhom li jekk ma naslux inbiddlu l-partit, imma ma niddejqux nivvutaw lill-kandidat l-ieħor.

Int x’taħseb dwar dan?

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks