Kemm-il darba nkunu f’restorant nieklu u ma jirnexxilniex inniżżlu dak kollu li jkun hemm fil-platt. Il- wejter jistaqsina jekk irridux kaxxa biex nieħdu l-kumplament tal-ikel fiha. Xi tkun ir-risposta? Skont ma’ min tkun hux ? Jekk tkun mal-ħbieb, il-probabbiltà hi li tgħidlu le. Għax tistħi! Tistħi tieħu dak li ħallast għalih.
Ġieli tlabt il-flixkun vojt tal-luminata jew tal-ilma? Probabbli li minkejja li żammlek 10c żejda stħajt titlobulu.
U jekk il-wejter itik irċevuta li mhix fiskali, tgħidlu jew tistħi? Dik dritt tiegħek ta.
Qatt irċevejt karta minn xi dipartiment u kienet bl-Ingliż? Minkejja li forsi ma fhimtx x’kien hemm miktub, qatt tlabthom jibagħtu kopja bil-Malti? Probabbli li le.
Kemm-il darba mort għand professjonist jew tixtri u ma tawkx irċevuta? Żgur mhux l-ewwel darba. Imma kemm-il darba tlabtha? Ftit li xejn. Nistħi nitlobha. Biex jaħsbuni rrid nibgħat l-irċevuti għal-lotterija tal- VAT?
Qatt spiċċajt tixtri oġġett jew servizz bla ma staqsejt il-prezz qabel? Sforz il-mistħija, jaf ħallast aktar.
Ġieli kont l-isptar u ma staqsejtx lill-professur dwar ċerti dettalji, ma qbiltx mal-konsulent jew tlabt aktar spjegazzjonijiet? Probabbli stħajt tmerih jew titlob ċerti affarijiet minkejja li dritt tiegħek. Il-mistħija għelbitek.
Ġieli ġew jiġbru u stħajt tgħidilhom li mhux se tagħti donazzjoni? Għandek kull dritt li bi flusek tagħmel li trid, imma probabbli, sforz il-mistħija ddaħħal idejk fil-but.
Ġieli ġew xi familjari għandek f’ħin li ma jkollokx aptithom? Tistħi tgħidilhom? U jekk xi ħadd juża toilet u ma jħallihx nadif, tasal tgħidlu jew tigdem ilsienek?
Ammetti, bla mistħija li ġieli żammejt lura milli titlob id-drittijiet tiegħek.
