“Imma kif f’dan il-pajjiż nibqgħu rridu nwaħħlu ż-żgħażagħ il-ħabs għax jinqabdu bid-droga?”

Hekk staqsa Peppi Azzopardi f’kitba li qasam fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu b’rabta mal-każ ta’ Jean Marc Dalli.

“X’se jieħu Jean Marc billi nitfgħuh ġo ċella l-ħabs? X’se nieħdu aħna bħala soċjetà meta nafu li l-ħabs mhux attrezzat biex ifejjaq lil dawn il-persuni, anzi jnissel ġo fihom rabja u hekk kif ikunu stmati fl-ambjent orribbli tal-ħabs, jibdew jemmnu li huma skart tas-soċjetà?, kompla jistaqsi.

Peppi fakkar li “ħafna minn dawk li tgħallqu fil-ħabs meta kien għadu jitmexxa bi stil faxxista, kellhom problema tad-droga.”

Żied jgħid li għalkemm ħafna jinsistu fuq il-kastig li għandu jingħata, uħud minnhom jerġa’ jibdielhom meta jkun involut xi membru tal-familja tagħhom. “Imbagħad jibdlu fehmithom, iċemplu biex jinsistu miegħi li post uliedhom mhux il-ħabs.”

Fl-aħħar nett, Peppi qal li ma tagħmillu l-ebda differenza jekk hux it-tifel ta’ Pawlu ta’ faċċata jew ta’ Helena u Patrick Dalli. “F’kull każ, il-ġustizzja trid issir u le, ma naqbilx li trid tidher li qed issir, għax meta jiġri hekk, isir show,” temm jgħid.

Ilbieraħ il-qorti ċaħdet l-appell ta’ Jean Marc Dalli dwar ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem meta ntbagħat il-ħabs wara li nstab ħati ta’ traffikar ta’ droga.

Int x’taħseb dwar dan?

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks