Qatt bgħatt email lil xi ħadd bi żball? Tinħaraq hux? Taf ma tkun xejn u taf iddaħħlek fl-inkwiet. Tittama li għand min waslet jinjoraha. Imma int qatt irċevejt email li ma kinitx indirizzata lilek?
Jien ġieli irċevejt emails li ma kinux għalija. Uħud frivoli! Oħrajn ta’ ftit aktar importanza, bħal minuti ta’ xi laqgħa. Emails oħra jafu jkunu aktar serji. Żbalji fl-emails huma komuni. F’riċerka illi saret fl-2021, instab li 58% tal-ħaddiema intervistati ammettew li ġieli bagħtu email lil persuna żbaljata.
X’nistgħu nagħmlu biex nevitaw li nibagħtu email lil persuna żbaljata?
- Noqogħdu attenti meta nkunu qed niktbu l-indirizz eletroniku, u meta nagħżlu dak l-indirizz li jitla’ waħdu, naraw li għażilna it-tajjeb
- Meta nagħmlu Reply to all, naraw illi dawk il-persuni kollha mniżżla għandhom bżonn jirċievu l-email tagħna.
- Qabel nagħfsu send, tajjeb li niċċekkjaw mhux biss il-kontenut tal-email, imma naraw li l-persuni li se tintbagħtilhom l-email huma dawk li verament nixtiquhom jaraw l-email.
- Ara li meta tibgħat email ta’ ċerta importanza, tkun f’post għall-kwiet, u mhux xi mkien fejn qed tagħmel affarijiet oħra.
X’nagħmlu jekk nirċievu email li mhux suppost ġiet għandna?
Per etika, jien ninforma lill-persuna li bagħtitha u ninfurmaha li se nħassarha.
Int x’tagħmel? Tinjoraha? Jew tara x’tista’ takkwista mill-informazzjoni li waslet għandek bi żball?

Kontributur