F’reazzjoni għal bosta kummenti negattivi fil-konfront tiegħu, Omar Rababah qal li t-titlu tal-artiklu ppubblikat minn TVMNews wassal messaġġ totalment differenti minn dak li verament qal hu.
Omar Rababah, li ġie intervistat fuq il-programm Tlettax ippreżentat minn Clara Farrugia, dwar ir-reliġjon Musulmana, esprima d-diżappunt tiegħu dwar il-kummenti dispreġġjattivi li rċieva pubblikament kif ukoll privatament, wara li, skont hu, qabel ma ġie ppubblikat l-artiklu tat-TVMNews, kien sorpriż bir-rispons pożittiv li kien irċieva hekk kif ixxandret l-intervista.
Kienet xi ħaġa kuntrastanti ħafna għax meta ħarġet l-intervista nista’ naħlef li kumment wieħed negattiv ma kellix tant li anki jien skantajt peress li mhux suġġett favorit ta’ ħafna. Wara l-intervista baghtuli ħafna fejn qaluli li għelbu diversi preġudizzji u sterjotipi, u tgħallmu xi ħaġa li kellhom idea żbaljata fuqha fejn jidħol l-Iżlam.
Omar saħaq li fl-intervista, hu ma qalx li jrid jimponi li l-Quuran jitwaħħal f’kull klassi f’Malta u Ghawdex, kif huwa sostna li jimplika l-kliem li intuża fit-titlu tal-artiklu, li kien jgħid: Il-Quran mas-salib fil-klassijiet b’ġustizzja mal-inklużjoni.
Kompla jgħid li l-Quuran issemma għax kien l-ewwel ħaġa li ġiet f’moħħu bħala simbolu reliġjuż li jirrappreżenta l-Iżlam bħalma tista’ tkun statwa tal-Buddha għall-Buddisti, xemgħat tal-Hanukkah għal-Lhud, is-simbolu Atomiku għall-Ateisti u oħrajn.
Min segwa l-intervista jaf li jien m’għedtx hekk imma ppreżentajt argument ta’ Inklużjoni rappreżentattiva skont minn xiex tkun tikkonsisti l-klassi. Ma narax li billi żżid simbolu ta’ twemmin ieħor biex tirrappreżenta lil kull membru tal-klassi tal-iskola se tkun qed tnaqqas xi ħaġa lil xi ħadd, anzi naraha li tkun qed iżżid fl-għarfien għax tqanqal kurżità edukattiva. Min jara l-intervista jista’ jikkonferma dan. Lanqas issuġġerejt li jitqiegħed fiżikament fejn is-salib kif implika l-artiklu.
“Jekk nghid li ma weġġajtx u li ma kontx irrabjat inkun qed nigdeb,” stqarr Omar dwar il-kummenti dispreġġjattivi filwaqt li żied jgħid li mhix faċli, partikolarment għall-familjari tiegħu, li jaraw dawk il-mijiet ta’ kummenti dispreġġjattivi fil-konfront tiegħu.
Fl-aħħar nett, Omar sostna li ma jrid li tiġri ħsara la lill-produttriċi tal-programm u lanqas lill-ġurnalist li kiteb l-artiklu. “Jien naħfrilhom għax hekk mgħallem,” temm jgħid.
Tista’ ssegwi l-programm Tlettax minn hawn taħt:
