Jekk Angele tibqa’ fl-istat li tinsab fih bħalissa, għada se tkun qed tirritorna fil-kumdità ta’ daharha flimkien mal-familja tagħha li tant iħobbuha.
Dan ħabbru żewġha Casper De Leuw Muscat fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.
Waqt li fakkar il-memorji sbieħ li għexu bħall-bieraħ 6 snin ilu fil-ġurnata taż-żwieġ tagħhom, Casper qal li għalkemm ma kienx l-anniversarju li kienu qed jimmaġinaw li jkollhom, ilbieraħ kien jum sabiħ xorta waħda.
Huwa rrakkonta li għalkemm filgħodu ma kinitx fi stat daqstant tajjeb, matul il-ġurnata Angele kienet fi stat aħjar tant li bdiet tiekol bil-qalb, titbissem u tiċċajta mal-familja u l-ħbieb li marru jżuruha.
Casper spjega li medikament ma jista’ xejn aktar ħlief li jippruvaw jikkontrollaw is-sintomi u jżommuha kemm jista’ jkun komda. Stqarr li minkejja li t-tobba jaħsbu li Angele tista’ tħalli din id-dinja fi ġranet jew ġimgħat, ma jistgħux jispjegaw kif Angele tkun daqshekk tajba f’ċerti mumenti, fis-sitwazzjoni li qiegħda fiha.
Fl-aħħar nett, Casper qal li m’hemmx kanzunetta adattata aktar għall-okkażjoni mill-kanzunetta Coming Home, kantanta mill-band, Firelight, li kantat fit-tieġ tagħhom 6 snin ilu.
“Onestament ma nafx kif se jiżvolġu l-affarijiet fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Imma Angele ġejja d-dar,” temm jgħid Casper.
Dejjem fi ħsibijietna.
