Qatt ma kellu grazzja miegħu.
Arthur kien ix-xempju ta’ ħaddiem ħabrieki, dejjem jasal fil-ħin, jagħmel xogħlu tajjeb u kien iddedikat ferm lejn il-kumpanija li kien jaħdem fiha.
Il-kuntrarju tiegħu.
Bejnietna, Oliver kien ilu xi ħames snin ipappihielhom. Imma kien brikkun u ħafna drabi, ix-xogħol li kien ikun għamel ħaddieħor kien jieħu l-mertu tiegħu hu.
Il-kumpanija li kienu jaħdmu magħha kienet qiegħda tespandi u tikber, u kien hemm l-għidut li kellhom bżonn jingaġġaw maniġer ġdid. Maniġer li kien jieħu ħsieb il-ħaddiema l-oħra u jmexxi d-ditta importanti tal-aġenzija li kienet tbigħ id-djar madwar Malta u Għawdex.
Dakinhar wieħed mid-diretturi tal-kumpanija kien għamlilhom laqgħa importanti ferm, fejn kienu ltaqgħu kollha flimkien ħalli jgħarrafhom b’dak li kien ser jiġri.
Oliver kien qiegħed bilqiegħda eżatt quddiem Arthur. Is-sitt impjegati l-oħra kienu qegħdin imferrxin madwar il-mejda tal-kamra fejn kienu jsiru laqgħat ta’ dan it-tip jew diskussjonijiet oħra.
Arthur kien qiegħed attent, jifhem dak kollu li kien qed jingħad, jgħarbel sew dak li kien qed ikellimhom dwaru d-direttur.
“Wara ħafna laqgħat illi għamilna bejnietna, iddeċidejna li l-maniġer ser jintgħażel minnkom.”
Kollha kemm huma kienu sorpriżi b’dik l-aħbar. Qatt ma stennew li kien ser jintagħżel minn xi wieħed jew waħda minnhom. Pjuttost kienu qegħdin jaħsbu li kien ser jiġi ngaġġat xi bażużlu minn barra.
Oliver beda jberraq għajnejh lejn sħabu l-oħra. Imbagħad għajnejh waqgħu fuq Arthur.
Kieku kellu jilħaq Arthur żgur li kien jirriżenja mid-ditta. Mela dak kien ser joqgħod għaliha li Arthur ikun il-‘boss’ tiegħu! Ma tarax!
Kollha kemm huma kienu eċitati ferm. Iżda Oliver dak il-ħin preċiż daħħalha f’rasu li kellu jkun hu li jeħodha. U kien jaf li kieku ma kienx hemm Arthur bħala xkiel, żgur hu kien jieħu r-rwol il-ġdid! Ejja ngħidu li huma t-tnejn kienu l-aktar żewġ impjegati li kien ilhom jaħdmu l-aktar hemm. Minjaf kemm kienet tikbirlu l-paga kieku!
“Nhar it-Tnejn fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar, qis li tiġu kollha hawn,” kien qed jgħidilhom id-direttur, waqt li kien diġa’ qam bilwieqfa. “Se jsir tip ta’ eżami formali. Min ma jiġix, ifisser li mhuwiex interessat biex jieħu l-promozzjoni.”

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks