Sfortunatament, dan l-aħħar aktar minn qatt qabel, diversi persuni qed jirnexxilhom jingannaw lil ħafna fuq il-midja soċjali u jiksbu l-aċċess u l-kontroll tal-profili u l-kontijiet bankarji tagħhom.
Minbarra li hawn diversi persuni li jiftħu paġni u profili fuq Facebook u Instagram b’isem u r-ritratti ta’ ħaddieħor, inklużi b’ismijiet ta’ programmi televiżivi lokali u personalitajiet magħrufa u allura dawn jistgħu faċilment jingannaw lin-nies, hemm ukoll dawk li jużaw tattika oħra li biha jirnexxilhom jiksbu l-aċċess u l-kontroll tal-profili u l-kontijiet bankarji tan-nies.
Ladarba jiksbu l-kontroll tal-profil, jippruvaw jingannaw aktar nies billi jibagħtu messaġġ privat, li jagħmilha iktar faċli biex wieħed ma jindunax bl-ingann minħabba li dan ikun qed jagħmlu bil-profil ta’ xi ħadd li taf.
Għalhekk huwa importanti ħafna li meta tirċievi messaġġ, taqrah darbtejn jew tlieta qabel tirrispondi u tevalwa jekk huwiex verament qed jintbagħat mill-persuna li taf.
Mod simili ta’ ingann qed isir ukoll permezz ta’ SMS, fejn tirċievi messaġġ b’isem ta’ kumpanija, anki magħrufa jew inkella minn numru barrani.
Jekk tirċievi messaġġ/kumment b’kontenut minn dawn t’hawn taħt ifisser li x’aktarx wara dak il-messaġġ m’hemmx il-persuna li taf iżda persuna li qed tipprova tingannak:
- Jekk il-lingwa fil-messaġġ, Ingliz jew Malti, tkun xi ftit imgerfxa tant li s-sentenza ma tagħmilx wisq sens.
- Jekk fil-messaġġ jew kumment tintalab biex tagħfas fuq link/ħolqa biex tirbaħ/takkwista rigal li jgħidulek li rbaħt.
- Jekk fil-messaġġ tintalab dettalji personali tal-kont bankarju tiegħek.
- Jekk fil-messaġġ tintalab biex tagħti l-għajnuna tiegħek għal xi investiment jew iħajrek tinvesti.
- Jekk fil-messaġġ tiġi mħajjar biex għal xi raġuni jew oħra tagħfas fuq il-link/ħolqa li bagħtulek.
Huwa importanti li ma tagħti l-ebda dettall personali, tal-ebda kont u ma tagħfas l-ebda link/ħolqa li tintbagħat.
Idealment, jekk tirċievi messaġġ li mhuwiex tas-soltu jew qed jitlob xi tip ta’ azzjoni mingħandek, tikkonferma mal-persuna tal-profil li minnu jkun qed jintbagħat il-messaġġ, b’mezz ieħor differenti milli jkun intbagħat.
Jekk jogħġbok xerred dan l-artiklu.
