Fid-dinja, kull sena, eluf ta’ nies jiġu rrapurtati nieqsa. Hemm uħud li jinstabu wara ftit jiem. Minn dawn, hemm minnhom li jerġgħu jingħaqdu ma’ familthom, filwaqt li oħrajn għal raġunijiet diversi, jagħżlu li jibqgħu ‘l bogħod. Hemm oħrajn li jinstabu mejta, u hawnhekk, għalkemm żgur li tkun sitwazzjoni iebsa ħafna għall-familjari, tal-anqas, il-persuna jkun jista’ jingħata difna xierqa.
Imma fost dawk in-nies irrapurtati nieqsa, hemm uħud li ma jinstabu qatt. Għafsa ta’ qalb għal kulħadd, speċjalment għall-familjari. Fost eluf ta’ nies li ma jinstabu qatt ikun hemm anki tfal. Sfortunatament, ħafna minn dawn it-tfal jintesew, u jibqgħu jiġu mfakkra biss mill-familjari tagħhom. Biss hemm oħrajn li għal raġuni jew oħra jibqgħu jissemmew, anki snin twal wara li jkunu għebu. Il-midja tibqa’ ssemmi lil dawn it-tfal, filwaqt li tinsa oħrajn.
Fost l-aktar żewġt it-tfal li baqgħu jissemmew hemm Emanuela Orlandi u Madeleine McCann. Orlandi, li kellha 15-il sena kienet għebet fl-Italja, eżattament fil-belt ta’ Ruma fl-1983. Forsi għal xi uħud kienet intesiet, jew qatt ma semgħu biha. Imma dokumentarju bl-isem “Vatican Girl: The Disappereance of Emanuela Orlandi” reġa’ ġedded il-memorji. Min-naħa l-oħra, il-każ ta’ McCann seħħ fl-2007, u għalhekk forsi għadu aktar fil-memorja ta’ ħafna nies. Aktar minn hekk, McCann kellha biss tlett snin meta għebet, u allura is-simpatija tan-nies kienet ħafna ikbar.
Imma x’jagħmel l-għajbien ta’ dawn it-tfal ta’ aktar importanza mill-għajbien ta’ tfal oħra? Forsi għaliex fil-każ ta’ McCann fil-bidu kien hemm suspett fil-ġenituri, u allura każ jiġbed aktar attenzjoni, u nies tinteressa ruħha aktar? Forsi għax il-każ ta’ Orlandi seħħ qrib il-Vatikan u kien hemm suspetti qawwija fuq nies ta’ ċerta statura?
Meta nara hekk, jiġuni f’moħħi xi mistoqsijiet. Il-midja tinteressaha mill-għajbien ta’ dawn it-tfal jew jinteressaha biss minn kemm dawn l-istejjer kapaċi jqanqlu interess? Il-midja ssegwi l-għajbien kollu jew fejn taħseb li n-nies jinteressahom?
Int x’taħseb dwar dan?

Kontributur