Select Page
X’tista’ tagħmel biex tevita uġigħ f’dahrek? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

X’tista’ tagħmel biex tevita uġigħ f’dahrek? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

L-uġigħ fid-dahar huwa pjuttost komuni, iżda rarament jkun ikkaġunat minħabba mard serju.
Huwa magħruf li n-nies li għandhom impjiegi fl-uffiċini jkollhom aktar tendenza li jbatu minn uġigħ kroniku fid-dahar, ġeneralment kaġun ta’ qagħda ħażina kif ukoll minħabba li jkunu qed iżommu l-istess pożizzjoni għal perjodi itwal ta’ ħin.

Barra minn hekk, l-uġigħ fid-dahar jista’ jiġi kkawżat ukoll minħabba ċerti ritwali ripetittivi, bħall-użu tal-forza tqila f’xogħol manwali jew għodod ta’ vibrazzjoni, kif ukoll waqt xi xogħlijiet fuq barra f’temperaturi kesħin fix-xitwa.

Fatturi ta’ riskju li jippredisponu individwi għal uġigħ kroniku fid-dahar jinkludu kundizzjonijiet preċedenti fid-dahar bhall-xatika, slip disc, artrite jew ksur, abbużi minn sustanzi ta’ alkoħol jew droga, obeżità jew tnaqqis fl-attività fiżika, parteċipazzjoni fi sports ta’ kuntatt, kif ukoll fatturi oħrajn psikoloġiċi, bħall-ansjetà.

Fortunatament, hemm miżuri sempliċi li l-impjegati jistgħu jimplimentaw ta’ kuljum sabiex jottimizzaw il-postijiet tax-xogħol tagħhom u jgħinu fil-prevenzjoni ta’ uġigħ fid-dahar rikorrenti.

  • Is-siġġijiet tal-uffiċċju għandhom idealment ikollhom xi tip ta’ sapport għad-dahar. Wieħed jista’ jagħżel li jpoġġi imħadda żgħira jew xugaman irrumblat fil-livell tal-qadd. L-għoli tas-siġġijiet tal-uffiċċju għandu jiġi aġġustati sabiex is-saqajn ikunu ċatti mal-art u l-irkopptejn jibqgħu f’angolu ta’ 90 degrees minn mal-art. Fl-aħħar nett, wieħed għandu wkoll iżomm il-moniters tal-kompjuter ftit ‘il bogħod mis-siġġijiet, peress li dan iħeġġeġ lill-impjegati biex jistiraw darhom lura, minflok ma jxaqilbuh ‘il quddiem u jippreċipitaw tensjoni kronika tal-għonq.
  • Hija wkoll prattika komuni għall-impjegati li jpoġġu t-telefowns tagħhom bejn ir-ras u l-ispalla biex iżommu idejhom ħielsa waqt li jitkellmu, u b’hekk jikkawżaw tensjoni addizzjonali għal għonqhom u l-ispallejn. Idealment, wieħed għandu juża headset jew speakerphone għal kwalunkwe konverżazzjoni bit-telefown li ddum aktar minn ħames minuti.
  • Huwa wkoll importanti li wieħed jieħu pawżi qosra biex jalterna bejn il-pożizzjonijiet bilqiegħda u bilwieqfa matul il-ġurnata tax-xogħol. L-impjegati kollha għandhom jiddedikaw ftit ħin biex iċaqalqu ġisimhom, peress li jekk wieħed jibqa’ bilqiegħda għal perjodi twal ta’ ħin jista’ jdgħajjef il-muskoli tad-dahar. Barra minn hekk, tista’ ssaħħaħ il-muskoli tad-dahar permezz ta’ fiżjoterapija jew eżerċizzji speċifiċi, bħal yoga, sit-ups jew Pilates. Dawn ġeneralment itejbu b’mod naturali l-qagħda ta’ dak li jkun u eventwalment inaqqsu l-uġigħ fid-dahar.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Carpal Tunnel – X’inhi eżattament? U x’tista’ tagħmel jekk tħoss is-sintomi? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Carpal Tunnel – X’inhi eżattament? U x’tista’ tagħmel jekk tħoss is-sintomi? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Il-carpal tunnel tikkonsisti minn passaġġ dejjaq fuq il-parti ta’ quddiem tal-idejn u l-polz, li sservi bħala daħla għall-pala tal-id għal diversi tendini u kif ukoll, in-nerv medjan. In-nerv medjan għandu rwol importanti li jissupplixxi s-sensazzjoni lis-swaba, u kif ukoll li jiffaċilita l-moviment tas-suba’ l-kbir.

Is-sindromu tal-carpal tunnel għandu tendenza li jinqala’ minħabba kompressjoni kontinwa fuq in-nerv medjan. Din il-kundizzjoni tista’ tiġi preċipitata minn ċerti fatturi li jinkludu li tkun mara minħabba anatomija iżgħar tal-polz, ċerti kundizzjonijiet bħal ksur jew dislokazzjonijiet preċedenti fil-polz, artrite, dijabete, obeżità, tqala, menopawsa, disturbi fil-glandola tat-thyroid, mard tal-kliewi, u kif ukoll, permezz ta’ mozzjonijiet ripetittivi tal-idejn, li jinvolvu liwi fit-tul tal-polz waqt ħidmiet speċifiċi ta’ xogħol, bħall-użu ta’ għodod tal-kostruzzjoni, klerikali, tal-catering jew tal-parrukkiera, kif ukoll attivitajiet frekwenti oħra ta’ kuljum, bħas-sewqan, l-użu tat-telefon cellulari jew il-qari.

Is-sintomi gradwali tal-Carpal Tunnel jistgħu jinkludu sensazzjoni ta’ tnemnim jew dgħufija fis-swaba, fl-idejn, jew fid-driegħ. Ċerti individwi jistgħu jwaqqgħu oġġetti, u anke jkollhom it-tendenza li jċaqilqu idejhom sabiex itaffu dawn is-sintomi li jistgħu wkoll jiggravaw matul il-lejl jew malli wieħed iqum kmieni filgħodu.

Is-sindromu tal-carpal tunnel jista’ jinterferixxi mal-attivitajiet ta’ kuljum kif ukoll ifixkel l-irqad. Huwa importanti li wieħed ifittex parir mediku bikri, peress li jekk din il-kundizzjoni ma tiġix ittrattata, maż-żmien tista’ sseħħ ħsara permanenti fin-nervituri jew fil-muskoli.

Is-sindromu tal-carpal tunnel jista’ jiġi djanjostikat permezz ta’ eżami fiżiku, kif ukoll testijiet speċifiċi dwar il-kunduzzjoni tan-nervituri, li huma kapaċi jivvalutaw kwalunkwe tfixkil fl-attività elettrika tal-polz u l-idejn meta l-muskoli jikkuntrattaw u meta jkunu mistrieħa, permezz tal-użu ta’ elettrodi żgħar imwaħħla mal-ġilda.

Modi sempliċi biex titnaqqas il-pressjoni fuq in-nerv medjan u għalhekk jitnaqqas ir-riskju li tiżviluppa s-sindromu tal-Carpal Tunnel jinkludu: li żżomm qagħda tajba waqt il-ħinijiet tax-xogħol li tippermetti r-rilassament tal-idejn, it-teħid ta’ pawżi qosra u frekwenti, speċjalment meta tuża għodod tal-kompjuter jew tal-kostruzzjoni li jivvibraw, imqassijiet tal-parrukkiera jew cash registers.

Għażliet oħra ta’ trattamenti konservattivi għas-sindromu tal-carpal tunnel jinkludu l-użu ta’ splints tal-polz li ġeneralment jintlibsu bil-lejl, vitamini kumplessi tat-tip B li jippromwovu s-saħħa u r-riġenerazzjoni tan-nervituri, kif ukoll użu għal żmien qasir ta’ mediċini anti-infjammatorji jew injezzjonijiet ta’ kortikosterojdi li jtaffu l-uġigħ u n-nefħa.

Barra minn hekk, il-yoga u l-fiżjoterapija jistgħu jgħinu wkoll. Għal każijiet aktar severi li ma jirrispondux għal miżuri li semmejna, id-dekompressjoni tal-carpal tunnel tista’ tinkiseb ukoll permezz ta’ intervent kirurġiku, li tinvolvi dissezzjoni tal-ligament li kontinwament ikun qed jagħfas fuq in-nerv medjan.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Cot Death – X’inhi eżattament? U kif tista’ tipprevjeni milli tiġri?

Cot Death – X’inhi eżattament? U kif tista’ tipprevjeni milli tiġri?

Il-cot death, għalkemm mhux komuni, tista’ twassal f’mewt għallarrieda ta’ trabi waqt l-irqad, speċjalment fl-ewwel ftit xhur ta’ ħajjithom.

Inti tista’ tipproteġi lit-tarbija tiegħek minn cot death billi traqqadha fuq daharha; iżda mhux fuq ġenbha jew fuq żaqqha, u idealment fl-istess kamra mal-ġenituri.

Importanti wkoll li t-tarbija titpoġġa fuq saqqu sod mgħotti b’liżar irqiq, f’ambjent nadif mingħajr tipjip, iżda wieħed dejjem għandu jħalli r-ras tat-tarbija mikxufa. Kif wkoll, wieħed għandu jevita l-użu ta’ imħaded, kutri ħoxnin, softoys jew affarijiet oħra fil-cot li jistgħu jkunu perikolużi għat-tarbija waqt l-irqad.

Huwa vitali wkoll li wieħed qatt ma jorqod fuq is-sufan b’tarbija f’idejh. It-trabi dejjem għandhom jorqdu fil-cot tagħhom.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

X’taf dwar il-marda tal-idejn, is-saqajn u l-ħalq? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

X’taf dwar il-marda tal-idejn, is-saqajn u l-ħalq? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Il-marda tal-idejn, is-saqajn u l-ħalq (Hand, Foot & Mouth Disease) hija infezzjoni minn virus tat-tip Coxsackie li l-aktar li jolqot huma lit-trabi u lit-tfal żgħar. Ġeneralment is-sintomi jkunu diversi ponot fuq il-wiċċ, l-idejn jew is-saqajn jew anke xi ulċeri fil-ħalq.

Sintomi oħra jistgħu jinkludu wkoll uġigħ fil-ġriżmejn, sogħla, deni jew għeja. Din il-marda hija ta’ natura ħafifa u trid tgħaddi waħedha. Però wieħed jista’ jingħata trattament sapportiv, bħall-mediċina kontra l-uġigħ jew id-deni sabiex itaffi xi ftit mis-sintomi u l-iskumdità li jkollu.

Huwa importanti wkoll li wieħed jixrob spiss. Minkejja li l-aktar komuni huma fost it-trabi u t-tfal, din il-marda tista’ taqbad lill-adulti ukoll.

Dan il-virus idum ġeneralment madwar 10 ijiem u wieħed ikun irid joqgħod jistrieħ id-dar ħalli ma jxerridx il-virus lil nies oħrajn permezz tal-għatis, sogħla jew kuntatt bl-idejn. Din il-marda ġeneralment ma tħallix konsegwenzi serji però tista’ tkun ta’ skumdità għall-marid.

Kull sena jkun hawn infezzjonijiet ta’ din il-marda u din is-sena mhix eċċezzjoni. Għaldaqstant, it-tfal għandhom jerġgħu jirritornaw l-iskola meta jkunu nixfu kompletament il-ponot, wara madwar għaxart ijiem.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Kif tista’ ttaffi ftit mill-aċtu fl-istonku? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Kif tista’ ttaffi ftit mill-aċtu fl-istonku? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Ir-rifluss tal-aċtu fl-istonku hija kundizzjoni kronika li fiha l-kontenut likwidu tal-istonku jirrigurġita lura fl-esofagu. Peress li dawn il-kontenuti huma aċidużi ħafna, tibda tinħass sensazzjoni ta’ ħruq fin-nofs tas-sider jew fin-naħa xellugija taż-żaqq.

Il-gravità u l-bżieq huma mekkaniżmi protettivi importanti għall-esofagu, iżda dawn huma effettivi biss meta l-individwi jkunu fil-pożizzjoni wieqfa. Għaldaqstant waqt l-irqad, il-gravità m’għandha l-ebda effett, u anke tkun qed titnaqqas is-sekrezzjoni tal-bżieq. Għalhekk, ir-rifluss tal-aċtu li jseħħ matul il-lejl huwa aktar probabbli li jikkawża ħsara lill-kisja tal-esofagu.

Il-kawżi tar-rifluss tal-aċtu mill-istonku huma pjuttost kumplessi u għandhom tendenza li jvarjaw f’individwi differenti. Madankollu, hemm bosta fatturi li jistgħu jikkontribwixxu sabiex persuna tiżviluppa din il-kundizzjoni; bhall-obeżità abdominali, tqala, ftuq tat-tip hiatus, mard tat-tessuti konnettivi, kif ukoll abnormalitajiet tal-isfinter tal-esofagu.

Id-dijanjosi tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku hija ssuspettata meta s-sintomi tipiċi assoċjati ma’ din il-kundizzjoni jkunu preżenti fuq perjodu ta’ żmien twil. Dawn jistgħu jinkludu ħruq fl-istonku, rigurġitazzjoni tal-aċidu jew tal-bili, żieda fil-bżieq, kif ukoll dardir jew rimettar. Madankollu, dawn is-sintomi mhumiex speċifiċi. Għalhekk, l-istandard attwali għad-dijanjosi definittiva ta’ din il-kundizzjoni huwa l-monitoraġġ tal-pH tal-esofagu fuq 24 siegħa.

L-endoskopija tal-istonku hija wkoll rrakkomandata f’dawk l-individwi li ma jirrispondux tajjeb għat-trattamenti jew li jippreżentaw b’sintomi aktar allarmanti bħal diffikultà biex tibla’, anemija, demm fl-ippurgar, tħarħir, telf ta’ piż jew bidliet fil-vuċi.

It-trattament primarju tal-aċtu fl-istonku tipikament jinvolvi bidliet sempliċi fl-istil tal-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll certi mediċini li jiġu preskritti biex jinnewtralizzaw ir-rifluss tal-aċtu u li jipprevjenu wkoll il-formazzjoni tal-aċtu żejjed fl-istonku.

Bħala linja gwida, għandhom ukoll jiġu evitati bibiti u ikel aċidużi bħall-kafè, luminata, ċitru, tadam, ikel pikkanti jew xaħmi. Barra minn hekk, it-tipjip u l-konsum tal-alkoħol għandhom jiġu minimizzati.

Diversi bidliet oħrajn bħal li wieħed jiekol porzjonijiet iżgħar tal-ikel u li jservi l-ikliet aktar kmieni filgħaxija huma wkoll irrakkomandati. Il-konsum ta’ chewing gum u l-ħalib frisk, kif ukoll l-elevazzjoni tar-ras u l-partijiet ta’ fuq tal-ġisem waqt l-irqad jistgħu wkoll itejbu s-sintomi tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku.

Madankollu, xi drabi dawn ir-rimedji ma jkunux biżżejjed. F’dawn il-każijiet severi tal-aċtu fl-istonku, it-trattament kirurġiku jkun il-fundoplication. F’din il-proċedura, il-parti ta’ fuq tal-istonku tiġi mgeżwra madwar l-isfinter tal-esofagu t’isfel biex tissaħħaħ.

Fil-popolazzjonijiet tal-Punent, din il-kundizzjoni taffettwa bejn wieħed u ieħor minn 10 sa 20 fil-mija tal-individwi. Ir-rata ta’ prevalenza tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku f’nazzjonijiet żviluppati hija wkoll marbuta sew mal-età, bl-adulti ta’ bejn il- 55 u 65 sena li huma l-aktar affettwati.

Il-kumplikazzjonijiet tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku li ma jiġux solvuti jistgħu jinkludu ulċeri gastriċi, esofagu Barrett kif ukoll defiċjenza tal-ħadid u infjammazzjoni tal-esofagu. Għalhekk, huwa vitali li tfittex parir mediku jekk is-sintomi jippersistu għal aktar minn ġimgħatejn infila.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks