Select Page
“Ngħix dejjem fil-periklu”.. vera jew le?! – X’inhi PTSD? – Michelle Zerafa

“Ngħix dejjem fil-periklu”.. vera jew le?! – X’inhi PTSD? – Michelle Zerafa

Nixtieq nibda billi nirringrazzjakom tal-feedback tagħkom dwar dawn il-kitbiet ibbażati kemm fuq fatti ta’ teorija jew riċerka li ssir minn żmien għal żmien kif ukoll fuq riflessjonijiet tiegħi msejsa fuq esperjenzi personali u anke dawk li niltaqa’ magħhom fix-xogħol tiegħi bħala counsellor.

Fl-aħħar kitba tiegħi tkellimna dwar l-ansjetà .. u f’dan l-artiklu se niffukkaw fuq kundizzjoni mentali oħra relatata mal-ansjetà. Infatti se nitkellmu dwar Post Traumatic Stress Disorder (PTSD). Kontu intom stess li staqsejtu dwar din il-kundizzjoni u hawnhekk tajjeb li forsi niċċaraw aktar dak li jista’ jkun qed ifixkilna…

X’inhi eżatt Post Traumatic Stress Disorder (PTSD)?

Din hija kundizzjoni li tiżviluppa f’dawk li jkunu għaddew minn esperjenza li xxukjathom u werwrithom, esperjenza fejn probabbli ħassew li tant hi perikoluża u tal-biża’ li jista’ jkun li ħajjithom kienet mhedda.

Huwa naturali li dak li jkun jibża’ jekk qed jiffaċċja jew iffaċċja sitwazzjoni perikoluża. Il-biża’ tikkawża bidliet ta’ sekonda biex tgħin lil dak li jkun jevita sitwazzjoni perikoluża. Din ir-reazzjoni ta’ fight or flight hija reazzjoni li tgħin lill-persuna żżomm il-bogħod mill-periklu. Wara li dak li jkun, ikun għadda minn trawma normali li jkollu reazzjoni għal din il-biża’ li diġà kkawżata mit-trawma stess. Iżda jekk jgħaddi ż-żmien u l-persuna tibqa’ tbati minn ċerti sintomi hemmhekk allura tista’ tiġi diagnosed li qed tbati mill-PTSD. Dawk li jbatu minn PTSD iħossuhom imbeżża’ u mwerwra anke meta m’hemmx periklu.

Kif tinduna li xi ħadd qed ibati minn PTSD? u x’inhuma s-sintomi?

Għalkemm fir-realtà kull min jgħaddi minn esperjenza perikoluża jgħaddi minn ċerti sintomi, il-maġġoranza ma jiżviluppawx sintomi kroniċi. U mhux kull min ibati minn PTSD għadda minn esperjenza perikoluża. Jista’ jkun li jkun miet xi ħadd li huwa għażiż ħafna jew li l-persuna tkun qed tiddependi fuqu/fuqha..dan jiġri wkoll speċjalment meta l-persuna tkun mietet f’daqqa.

Ġeneralment is-sintomi joħorġu tlett xhur wara mill-esperjenza trawmatika iżda xi kultant jista’ jkun li joħorġu snin wara. Is-sintomi jridu jkunu ilhom hemm xahar sħiħ u jkunu qed jinterferixxu mal-ħajja ta’ kuljum tal-persuna jiġifieri jaffettwaw lill-persuna kemm fir-relazzjonijiet tagħha mal-oħrajn kif ukoll fuq ix-xogħol tal-persuna.

Kif tiżvolġi l-kundizzjoni mhux dejjem l-istess. Hemm min idum tlett xhur u hemm oħrajn fejn il-kundizzjoni tiġi kronika. Huwa psikjatra jew psikologu li jista’ joħroġ diagnosis dwar din il-kundizzjoni.

Biex adult ikun qed jesperjenza PTSD irid ikun qed jesperjenza dawn is-sintomi msemmija hawn taħt, bejn wieħed u ieħor għal xahar sħiħ

  • Sintomu wieħed fejn jerġa’ jesperjenza t-trawma pereżempju; flashbacks – dak li jkun qisu jħossu qed jerġa’ jgħix is-sitwazzjoni trawmatika, ħolm ikrah u tal-biża’, ħsibijiet li jwerwru lill-persuna
  • Sintomu wieħed fejn jevita post, avveniment jew oġġett li jfakkru fit-trawma jew jevita li jaħseb jew isemmi affarijiet relatati mat-trawma, pereżempju; xi ħadd li jkun għadda minn inċident tat-traffiku jiddeċiedi li ma jibqax isuq.
  • Mill-inqas żewġ sintomi ta’ reazzjoni qawwija għal sitwazzjoni preżenti.
  • Mill-inqas żewġ sintomi b’burdati u emozzjonijiet qawwija meta tiġi ppreżentata sitwazzjoni.

Kif tista’ tiffaċċja l-PTSD?

  • Jekk tħoss li dawn is-sintomi li qed jaffettwawlek ħajtek importanti li tammetti li għandek problema.. dan jgħinek issib is-sapport..
  • Importanti ħafna li ssib sapport kemm minn dawk li tafda u kif ukoll sapport professjonali bħal counsellor… jista’ jkun li flimkien mat-terapija jkun hemm bżonn il-mediċina.. għalhekk ħalli f’idejn il-professjonist jew professjonista biex jirreferik fejn hemm bżonn.
  • Importanti li nżommu f’moħħna li jista’ jkun diffiċli ħafna biex nagħmlu l-ewwel pass, normali li tħossok hekk.. it-terapija tista’ tieħu ftit żmien imma taqtax qalbek pass pass tasal.. u jekk ma tagħmilx dak l-ewwel pass ma tistax timxi ‘l quddiem…
  • Li tagħmel eżerċizzju jew attività fiżika regolari se tgħinek tħossok aħjar.. u tmur tajjeb ħafna flimkien mat-terapija..
  • Tistennix li se tkun mija fil-mija tajjeb mill-ewwel, jista’ jkun li tieħu ftit żmien biex tħossok aħjar..
  • Jekk għandek għanijiet fil-ħajja tiegħek, imxi pass pass…mhux neċessarjament se jinexxilek tagħmel kollox f’daqqa, sib il-prijoritajiet u ibda bihom.. naqra naqra kollox jibda jaqa’ f’postu.. iżda f’din iċ-ċirkostanza jrid ikollok il-paċenzja..
  • Li tiltaqa’ mal-oħrajn se jagħmillek il-ġid.. għax il-bniedem mhux magħmul għal waħdu.. importanti li titkellem ma’ xi ħadd li tafda u li jifhmek.. m’hemmx xi regola ġenerali jekk humiex nies tal-familja jew ħbieb tal-qalb.. l-importanti li ma’ min titkellem tħossok komdu/a.
  • Importanti li jkollok stampa ċara ta’ x’inhuma t-triggers li forsi jqanqlulek memorji .. ħu nota ta’ x’inhuma u kemm jista’ jkun evita li tiffaċċjahom speċjalment jekk tkun waħdek u mhux ma’ xi ħadd li tħossok sikur.
  • Sib postijiet li jagħtuk serħan.. mhux postijiet kollha kaos u storbju.. in-natura tista’ tgħinek ħafna.. dejjem hemm postijiet adattati li jgħinuk issib il-paċi u l-mistrieħ.
  • Agħmel affarijiet li tħobb u ħu ħsieb tiegħek innifsek..

Ftakar li xi darba jew oħra kulħadd jgħaddi minn żminijiet diffiċli.. ftakar li ma jistax ikun tibqa’ tghix fid-dell tat-trawma li għaddejt minnha..

Ftakar li kundizzjonijiet marbuta mas-saħħa mentali huma bħal dawk fiżiċi, jekk ma tiħux ħsiebhom se jirkbuk u jiddominawlek ħajtek…

Tibżax titkellem dwar kif qed tħossok jew li tfittex sapport..

Awguri u tislijiet..

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

L-ansjetà… u x’nista’ nagħmel meta jagħtini attakk ta’ paniku? – Michelle Zerafa

L-ansjetà… u x’nista’ nagħmel meta jagħtini attakk ta’ paniku? – Michelle Zerafa

Mingħajr ma nduru wisq mal-lewża, il-pandemija ġabet magħha tsunami sħiħ ta’ bidliet, ħsibijiet u emozzjonijiet. Mingħajr ma rridu ħasditna u xxukjatna.. min intlaqat mod u min ieħor .. min ftit u min ħafna.. Il-fatt li dan ġie fuqna mingħajr ma konna qed nistennewh, ħasadna.. u għalhekk xi wħud jista’ jkun li jkunu qed ibatu mill-ansjetà..

Min kien qed jaħdem fuq problemi li forsi kienu qed itaqqluh.. il-fatt li għaddejjin minn pandemija jitfa’ aktar pressjoni fuq il-persuna u jista’ jkun li nsibuha aktar diffiċli biex niffaċċjaw ċerti problemi.. allura ċ-ċans li wieħed iħossu ansjuż huwa akbar..


X’inhi l-ansjetà?


L-ansjetà hija reazzjoni naturali li joħloq il-ġisem meta jkun qed jiffaċċja l-istress. L-emozzjoni li tiddomina hija l-biża’ jew inkella ahjar il-biża’ ta’ x’jista’ jinqala.. is- sitwazzjoni li tkun trigger tista’ tkun waħda partikolari u/ jew tkun xi ħaġa li tagħmel parti mill-ħajja ta’ kuljum …

Skont ir-riċerka nindunaw li qed inbatu mill-ansjetà minħabba li nħossu xi wħud minn dawn is-sintomi:
Għeja, tqaħqiħa, qtugħ ta’ nifs, uġigħ fil-muskoli jew f’partijiet partikolari minn ġisimna, piż jew pressjoni fuq is-sider..xi drabi wkoll irritazzjonijiet tal-ġilda, il-qalb tgħaġġel, deni, uġigħ ta’ ras, diarrhea u tnemnim..
Meta nkunu ilna niġmaw ftit sew ġo fina ..
u ma nkunx ħadna azzjoni fuq dawn is-sintomi jista’ jkun ukoll nibdew inbatu minn attakki ta’ paniku…

X’inhuma eżatt dawn l-attakki ta’ paniku?

Meta nesperjenza panic attack inkunu qed nesperjenzaw biża’ intensa li ġġib magħha reazzjoni intensa meta mhemmx periklu reali..
Dawn l-attakki jistgħu jbeżżgħuna ħafna għax ħafna drabi nħossuna li qed nitilfu l-kontroll, jew li qed itina attakki tal-qalb jew li saħansitra qed immutu…

Kif nistgħu nipprevjenu milli jkollna panic attack?

Dawn huma xi strateġiji li nistgħu nużaw meta nkunu qed nesperjenzaw panic attack jew meta nħossu li se jaqbadna panic attack…

  • Nifsijiet fil-fond… Meta jagħtina panic attack, nifisna jkun maqtugħ iżda jekk nieħdu nifsijiet fil-fond jistgħu jgħinu biex niġu f’tagħna aktar malajr. Importanti li nirrealizzaw li dak li qed inħossu huwa panic attack u mhux attakk tal-qalb.. importanti li niftakru li hi xi ħaġa temporanja, li dalwaqt tgħaddi u li dalwaqt tiġi f’tiegħek…
  • Agħlaq għajnejk – xi wħud mill-panic attacks jiġu minħabba triggers li jġiegħluna ninkwetaw.. u jekk qiegħed jew qiegħda f’ambjent fejn hemm ħafna storbju u konfużjoni, iċ-ċans hu li jgħin li jkollok panic attack. Meta tagħlaq għajnejk dan jgħinek tiffoka fuq in-nifs tieghek stess..
  • Ippratika l-mindfulness.. li tkun mindful jew aħjar tgħix il-mument… dan jgħinek tiffoka fuq ir-realtà li tinsab fiha… il-ħsibijiet li jikkawżaw l-ansjetà jġiegħluna ninqatgħu mir-realtà u allura nitilfu l-kontroll…Tista’ taħseb ukoll fil-fatt li qed tħoss saqajk mal-art.. u li hemm xi ħaġa li qed iżommok mal-art dan jgħinek terġa’ ssib il-bilanċ..
  • Iffoka fuq oġġett partikolari.. sib oġġett partikolari u ffoka fuqu.. waqt li titfa’ għajnejk fuqu innota kull ħaġa dwaru … biex b’hekk moħħok jiffoka fuq l-oġġett u mhux fuq il-biża’ u l-ħsibijiet marbuta magħha…
  • Muscle relaxation techniques – naqra naqra tista’ tirrilassa l-muskoli ta’ ġismek … tista’ tibda mis-swaba ta’ jdejk u tkompli bil-kumplament tal-ġisem..
  • Aħseb f’post li jirrilassak… jista’ jkun bajja f’ġurnata xemxija bil- mewġ iħabbat ħafif ħafif mal-blat… jew xi kabina fil-muntanji… immaġina li qiegħda/qiegħed hemmhekk … ipprova immaġinak qed tħoss ir-ramel taħt saqajk jew inkella qed ixxomm ir-riħa tas-siġar u l-ħamrija mxarrba… dan hu mod ieħor kif tista’ tirrilassa..
  • L-eżerċizzju – dan jista’ jgħinek ħafna żżomm lilek innifsek irrilassat… għax l-endorphins iżommu d-demm jippompja b’mod bilanċjat.. l-endorphines jgħinuna ukoll nħossuna aħjar… eżerċizzju ħafif bħal mixi u l- għawm jgħin ħafna biex inżommu l-bilanċ
  • Il-lavender ukoll jgħin biex itaffi l-istress … jekk taf li tbati b’dan kollu importanti tagħmel ftit ma jdejk jew torqod b’tissue imċappsa bih taħt l-imħadda…

Jekk dawn t’hawn fuq ma ħadmux allura importanti li tfittex għajnuna professjonali… importanti li tifhem minn fejn ġej dan kollu… it-terapija tista’ tgħinek tifhem aħjar l-istorja tiegħek u tagħmel ħbieb ma’ dak li qed jbeżżgħek u joħloqlok stress żejjed… jista’ jkun li jkollok bżonn tieħu medication li tgħinek ittaffi dawn is-sintomi.. fir-realtà hemm min ikollu bżonn kemm terapija u anke viżta għand psikjatra..

Għalkemm nifhem li hemm min isibha diffiċli biex wieħed jagħmel dan il-pass għax bħal donnu hemm stigma, irridu nżommu f’moħħna li din hija eżattament bħal meta aħna għandna bżonn tabib għax għandna infezzjoni… jekk ma nfejquhiex l-affarijiet se jikbru.. l-istess hawnhekk .. għalfejn għandna nħallu dawn il-ħsibijiet u l-biżgħat jikkontrollawlna ħajjitna?

Awguri u tislijiet

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Meta ma niġux rispettati… – Michelle Zerafa

Meta ma niġux rispettati… – Michelle Zerafa

Tkellimna ħafna dwar relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u allura ħsibt li nitkellmu wkoll dwar relazzjoni magħna nfusna, speċjalment meta kontinwament niltaqgħu ma’ nies li ma japprezzawnix biżżejjed u ma jurux rispett lejna..

Meta tkun fiha tirrealizza li dawk ta’ madwarna jistgħu jħallu impatt negattiv fuqna. Infatti meta niltaqgħu ma’ attitudni negattiva ħafna drabi li nagħmlu hu li ninħarqu u nirreaġixxu..Mhux faċli nibqgħu kalmi meta ma neħdux dak li jistħoqqilna.. Tajjeb li forsi nzommu f’mohhna ukoll li l-attitudni ta’ dik il-persuna mhux faċli nibdluha iżda aħna kif nirreaġixxu għal imġiba taghha huwa litteralment fil-kontroll tagħna.

Pereżempju: Jekk il-boss tiegħek juri ċertu poter li jkun qed jifgak.. Dik li kuljum trid tmur għax-xogħol u tiffaċċjah mhix faċli.. u jista’ jkun li jkun qed jinfluwenzak u jpoġġik f’ċerta negattività u anke ansjetà. Meta aħna ninqabdu f’emozzjoni ta’ rabja u uġigħ dan ma jgħinx is-sitwazzjoni għax hekk inkunu qed naħlu l-enerġija tagħna fuq xi ħaġa li mhux fil-kontroll tagħna. Iżda kif aħna nirreaġixxu għall-imġiba negattiva dan huwa kollu fil-kontroll tagħna.

Kultant nistgħu nieħdu l-affari bħala xi ħaġa personali, però jekk pereżempju jekk hija xi ħaġa relatata max-xogħol tajjeb li nkunu kapaċi naqtgħu linja li ngħidu isma din hija xi ħaġa li għandha x’taqsam biss max-xogħol li nagħmlu. Il- probabilità tista’ tkun li anke l-boss tagħna għandu/ha l-problemi u anke l-insikurezzi u dan qed jaġixxi hekk minħabba dawn l-insikurezzi u mhux minħabba fina personali. L-aġir jekk mhux tajjeb jibqa’ mhux tajjeb .. imma li nieħdu l-perspettiva tal-persuna se tgħinna nimxu ‘l quddiem għax nifhmu aktar minn fejn jevolvu l-affarijiet..

Mhux faċli li ssib lil min ikissirlek l-ispirtu pożittiv tiegħek, li ma jikkalkulakx jew li ma japprezzax l- isforzi li tagħmel u allura fejn hu possibbli tajjeb li noqogħdu l- bogħod minn dak li jkissirna…

Jekk hi sitwazzjoni aktar ikkumplikata u forsi nħossni mgħaffġa/mgħaffeġ f’ħafna emozzjonijiet importanti li nfittex għajnuna professjonali

Xi punti li jistgħu jgħinuna:

  • Niftakru li huwa normali li nħossuna maħkuma minn ħafna emozzjonijiet meta xi ħadd jittrattana ħażin
  • Forsi jgħinna li naħsbu fil-ħajja diffiċli jew l-ammont ta’ xogħol li għandha l-persuna li qed tittrattana ħażin, mhux biex niġġustifikaw l-azzjonijiet iżda biex nifhmu aktar li mhix xi ħaġa personali.
  • Tista’ tikteb kif qed tħossok fi djarju ħalli tesprimi dak li qed tħoss
  • Jekk kapaċi fl-arti tista’ tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek fl-arti tiegħek ..
  • Il-meditation u l-yoga jgħinu ħafna biex issib il-paċi u l- kalma..
  • L-eżerċizzju wkoll jista’ jgħinek tikkalma u toħroġ il-frustrazzjoni tiegħek..
  • Li tieħu nagħsa meta tħossok imħawwad/imħawda wkoll jista’ jgħinek tħossok aħjar
  • Tkellem ma’ xi ħadd li tafda jew ma’ professjonist biex mhux talli tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek iżda wkoll issib opportunitajiet jew perspettivi ġodda li forsi ma tkunx irrealizzajt li jeżistu
  • Li tieqaf lill-persuna li tkun qed tagħmel inġustizzja miegħek.. tista’ tgħinek issib elementi ta’ perseveranza u reżiljenza li qatt ma kont tirrealizza li għandek..u tkun tagħlima li tgħinek għall-kumplament ta’ ħajtek ..

Li tirrispetta lilek innifsek huwa pass kbir li jgħinek issib il-paċi..

Tibqax waħdek fid-dlam, li titkellem huwa l-ewwel pass biex tiċċaqlaq mis-sitwazzjoni li tinsab fiha..

Awguri u tislijiet.

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kif se nżomm relazzjoni ħajja?!

Kif se nżomm relazzjoni ħajja?!

Fil-ġimgħat li għaddew tkellimna dwar kif niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli f’relazzjoni u llum se niffukaw dwar x’jgħin biex inżommu relazzjoni jew żwieġ b’saħħtu. Ħafna mill-klijenti li niltaqa’ magħhom jiġu meta s-sitwazzjoni tkun waslet f’xifer l-irdum u ħafna jiddispjaċihom li ma kinux ħadu ħsieb l-affarijiet qabel. Dan iġiegħelna nirrealizzaw u nħarsu lejn relazzjoni bħala xi ħaġa ħajja pereżempju pjanta trid issaqiha u tindukraha biex tibqa’ ħajja.

Fir-realtà mhux dejjem faċli, għax ngħiduha kif inhi ngħixu hajja mgħaġġla ħafna u xi kultant nidraw nieħdu l-affarijiet for granted. Imma din hija xi ħaġa li rridu nikkunsidraw. Relazzjoni ma tistax tfendi waħedha iżda importanti li ż-żewġ individwi jaħdmu flimkien biex iżommuha ħajja. Il-konnessjoni ta’ bejn koppja hija kruċjali u f’kull ċirkostanza din għandha tkun prijorità li naħdmu biex nieħdu ħsiebha. Anke jekk pereżempju hemm it-tfal. It-tfal irridu nagħtuhom l-aħjar li nistgħu iżda jekk it-tfal mhux se jaraw l-unjoni u mhux se jieħdu eżempju tajjeb, dawn se jbatu xorta. Allura li nieħdu ħsieb ir-relazzjoni hija importanti fl-aħħar mill-aħħar mhux biss għall-koppja iżda wkoll għall-ulied. Tajjeb li nżommu f’moħħna li veru tajjeb li l-ulied ikollhom l-aħjar affarijiet materjali iżda naħseb tajjeb ukoll li jaraw lill-ġenituri f’unjoni allura xi kultant aħjar naqra inqas xogħol iżda aktar ħin li nistgħu nqattgħu flimkien (dejjem jekk aħna nistgħu u huwa possibbli għaċ-ċirkostanzi tal-familja tagħna)

Ngħaddu għal xi punti li jistgħu jgħinuna nżommu relazzjoni tagħna b’saħħitha u ħajja

  • Il-kommunikazzjoni ta’ bejn il-koppja hija kruċjali u importanti ħafna… jekk ma nitkellmux ma’ nistgħux nibqgħu close ma’ xulxin.. tajjeb li forsi nsibu ħin fil-ġurnata fejn nistgħu nitkellmu ftit, imqar fuq dak li nkunu għaddejna minnu matul il-jum…
  • Nippruvaw nagħmlu li nistgħu biex insibu ħin naħdmu fuq diffikulatjiet li għandna jew nuqqas ta’ qbil ta’ bejnietna. Li nitfgħu l-affarijet taħt it-tapit mhux se jgħin żgur…
  • Importanti li nsibu ftit ħin fejn niddevertu u nieħdu gost flimkien u fejn għandna ċans naljenaw ruħna mill-intoppi tal-ħajja… meta hemm it-tfal fir-relazzjoni xorta importanti li nżommu appuntament għal xi date night jekk hemm bżonn..
  • Jekk ngħaddu minn xi diżappunt jew xi tagħlima fil-ħajja importanti li nitkellmu mal-partner tagħna għax din tista’ tgħinna nħossuna aktar close
  • Li wieħed juri sapport emozzjonali u li nuru affett u kumplimenti lil partner huma wkoll importanti ħafna biex inżommu r-relazzjoni ħajja
  • L-imħabba, l-intimitá, ir-romantiċiżmu u s-sess huma kollha ingredjenti li jgħinu lir-relazzjoni timxi ‘l quddiem. Wara ċertu żmien jista’ jkun li naħsbu li m’għadx hemm dak l-ispark. Importnati li nippruvaw nsibu modi kif jirnexxielna nerġgħu nixgħelu l-fjamma.
  • Li jkollna għanijiet, ħolm jew insibu interessi li jgħaqqduna hija xi ħaġa sabiħa ħafna għax jgħinu lill-koppja tibqa’ magħquda
  • Li nuru kompassjoni, li naċċettaw xi żbalji u li naħfru huma wkoll elementi li jgħinu immens biex inżommu r-relazzjoni ħajja
  • Tajjeb li koppja jippruvaw esperjenzi ġodda flimkien biex b’hekk ma naqgħux f’monotonija
  • Li nammettu li żbaljajna u li nitkellmu fuq dak li ġara jgħinna nirrikonċiljaw u nħossuna aktar komdi u ġenwini mal-maħbubin tagħna

Xi kultant huwa normali li ma naqblux f’kollox imma importanti li fl-aħħar mill-aħħar niġbdu ħabel wieħed.. u li niftakru li l-ingredjentii li nitfgħu aħna stess jistgħu jgħinu jew ikissru r-relazzjoni li qiegħdin fiha.. mhux dejjem faċli iżda mhux impossibbli..

Jekk naraw li l-affarijiet ma nistgħux insolvuhom bejnietna importanti li nfittxu għajnuna professjonali qabel ma jkun tard wisq..

Awguri u tislijiet

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Għandi nibqa’ fiż-żwieġ minħabba t-tfal?!

Għandi nibqa’ fiż-żwieġ minħabba t-tfal?!

Wara l-aħħar artiklu dwar “Meta l-ġenituri jisseparaw” kellna ħafna mistoqsijiet.. u kummenti differenti. Tajjeb li ngħidulkom li kull każ huwa differenti u ċerti kwistjonijiet ikunu jeħtieġu attenzjoni individwali, anki għall-fatt li wieħed irid jisma’ l-istorja kollha u jidħol fid-dettal biex ix-xogħol isir sew. Għaldaqstant għalkemm aħna nagħmlu li nistgħu biex inwieġbu xi domandi permezz tal-artiklu iżda meta hemm sitwazzjonijiet urġenti, importanti li nfakkrukom li għandkom tfittxu sapport minn professjonisti mill-aktar fis possibli, kemm permezz ta’ servizzi privati kif ukoll dawk bla ħlas ipprovduti minn aġenziji differenti.

Mistoqsija li staqsew ħafna hija l-mistoqsija “Għandi nibqa’ fi żwieġ minħabba t-tfal?” Din hi mistoqsija li jistaqsu ħafna u fir-realtà m’hemmx tweġiba definittiva għax kull każ huwa differenti. Però ħassejna l-bżonn li nidħlu ftit aktar fid-dettal dwar dan permezz ta’ dan l-artiklu.

Din il-mistoqsija ġġib magħha mistoqsija oħra li tajjeb li wieħed jirrifletti fuqha – it-tfal kif se jħossuhom l-aħjar, meta l-ġenituri qed jgħixu taħt l-istess saqaf bi ġlied kontinwu jew inkella meta l-ġenituri qed jgħixu separati minn xulxin iżda aktar kalmi?

Ir-riskji meta jkun hemm il-problemi u l-ġenituri jkunu għadhom jgħixu flimkien.

Ir-riċerka tgħid li jekk it-tfal qed jgħixu taħt saqaf fejn b’mod kontinwu qed jesperjenzaw emozzjonijiet ta’ rabja, frustrazzjoni, uġigħ u ġlied, iċ-ċans hu li jieħdu eżempju ħażin ta’ x’jiġifieri li tkun ġenitur tajjeb u dan jista’ jinġarr magħhom għall-ġenerazzjoni li jmiss. Hemm implikazzjonijiet b’saħħithom li jekk il-ġenituri ma jafux kif jiffaċċjaw kunflitt se jkun hemm ħsara psikoloġika fuq it-tfal speċjalment jekk dawn qed jiġu esposti għal din it-tip ta’ ħajja.

Xi wħud mit-tfal se jesperjenzaw dak li bl-Ingliż ngħidulu neglect. Dan se jkun kemm fiżiku jiġifieri pereżempju nuqqas ta’ ikel jew mhux ikel bnin jew il-ġenituri rari jiltaqgħu għax meta jiltaqgħu jiġġieldu. Anke nuqqas emozzjonali jekk it-tifel jew tifla jħossu n-nuqqas ta’ wieħed mill-ġenituri, anke jekk dawn ikunu għadhom jgħixu taħt l-istess saqaf imma jħossu li l-ġenituri qed jaħsbu għal rashom.

Jekk il-ġenituri jindunaw li ma jistgħux jibqgħu jgħixu flimkien minħabba ġlied, pika kontinwa u anke forsi jkunu attendew couple’s therapy u rrealizzaw li mhux tajbin biex jgħixu flimkien, din tista’ tkun indikazzjoni aktar ċara li wieħed irid jimxi għad-divorzju jew separazzjoni.

Il-valur li wieħed jibqa’ flimkien.

Ir-riċerka wkoll tgħidilna li jekk il-ġenituri għalkemm mhux iħossuhom tajjeb flimkien iżda jirnexxilhom iżommu l-paċi u kooperazzjoni bejniethom dan ikun ta’ ġid għall-ulied. Jekk il-ġenituri jirnexxilhom iżommu l-paċi u mingħajr ma jesponu lil ulied għal ħafna ġlied u pika jkun allura aħjar li jibqgħu jgħixu taħt l-istess saqaf anke jekk mhux kuntenti flimkien.

Allura, kif se niddeċiedi għandix immur għad-divorzju jew le?

Din mhix deċiżjoni faċli iżda mhix impossibbli ..

Wieħed irid jistaqsi dan li ġej:

  • Jeżisti abbuż? – ikun ta’ ħsara kbira jekk l-ulied qed jiġu esposti għal abbuż sesswali, fiżiku jew psikoloġiku. Jekk il-ġenitur li jabbuża ma jurix lok għal bidla allura f’dan il-każ wieħed jista’ forsi jiddeċiedi li jsir il-pass…
  • Il-ġenituri kapaċi jikkoperaw ma’ xulxin anke jekk ma jaqblux? – jekk il-ġenituri huma maturi biżżejjed li għalkemm ma jaqblux bejniethom u li kieku m’hemmx it-tfal kienu jisseparaw iżda minħabba t-tfal iħallu ħajjithom on hold, din tista’ taħdem, jekk Il-ġenituri mhumiex jirnexxilhom jikkoperaw allura wieħed jista’ forsi jiddeċiedi li jsir il-pass
  • Nistgħu nsewwu ż-żwieġ b’xi mod? – Qabel ma wieħed imur għas-separazzjoni irid jara jekk sarx xogħol biex wieħed isalva ż-żwieġ, jekk wieħed ikun għamel ċertu xogħol bħal pereżempju marru couple’s therapy imma l-ħsara li saret hija rreparabbli, allura wieħed jista’ jiddeċiedi li forsi jagħmel il-pass.
  • Is-seperazzjoni hija inevitabbli? – jekk wieħed jirrealizza li forsi jkun aħjar għal kulħadd li jsir il-pass u jsir qbil dwar kif wieħed se jissepara jista’ jkun li l-ulied fl-aħħar mill-aħħar ikunu kalmi u kuntenti anke jekk isir il-pass għax għalkemm il-ġenituri mhux qed jgħixu taħt l-istess saqaf xorta jkunu committed għal uliedhom u xorta jikkoperaw ma’ xulxin għall-ġid tal-ulied.

Din mhix deċiżjoni faċli u kif għidt fil-bidu m’hemmx tweġiba perfetta u preċiża għax kull każ hu differenti..

F’dawn iċ-ċirkostanzi li nfittxu sapport professjonali hu importanti ħafna biex innaqqsu t-tbatija għal kulħadd u d-deċiżjoni li nkunu ħadna tkun aktar infurmata u mhux waħda mgħaġġla..

Dan jista’ jgħinna nħossuna aħjar anke f’mumenti diffiċli..

Awguri u tislijiet..

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks