Il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia mhix kwistjoni ta’ kuluri – Int se tibqa’ sieket?

Il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia mhix kwistjoni ta’ kuluri – Int se tibqa’ sieket?

Il-ħajja misruqa ta’ Jean Paul Sofia mhix kwistjoni ta’ kuluri.

L-ewwel reazzjoni meta tara ċerti kummenti tkun li din mhix kwistjoni ta’ politika, imma fil-verità, iva, hija kwistjoni ta’ politika.

Din hija kwistjoni ta’ politika, mhux tal-kuluri aħmar, blu jew aħdar, iżda tal-politika li tara li ssir ġustizzja, li taħdem biex tipprevjeni milli tinsteraq ħajja oħra u li sservi ta’ tama għall-futur.

F’dan il-każ, il-politika għandha sservi biex issir ġustizzja ma’ Jean Paul Sofia u l-familja tiegħu, li wara xhur, għadhom qed jistennew fid-dlam, għaliex il-politika għandha l-poter li dan iseħħ.

Il-familja ta’ Jean Paul Sofia, qed titlob inkjesta pubblika, sabiex joħroġ fil-beraħ dak kollu li ġara, li sal-lum, tliet xhur wara, lanqas huma stess ma jafu.

Int li qed taqra dan l-artiklu, timmaġinak ma tafx x’ġara, kif u min kien responsabbli għat-telfa ta’ membru tal-familja tiegħek?

Qed jitolbu inkjesta pubblika, biex issir ġustizzja u biex int li qed taqra, ma tgħaddix minn dak li għaddew, għadhom għaddejjin u se jibqgħu għaddejjin minnu sal-aħħar nifs ta’ ħajjithom.

Qabel ma tikkummenta, favur jew kontra, skont il-kulur li jolqtok l-aktar, ieqaf u aħseb ftit, għal żewġ minuti, kieku int kont għaddejja minn sitwazzjoni simili, taħseb li r-reazzjonijiet u l-azzjonijiet tiegħek se jkunu bbażati fuq il-kulur u dawk kollha li jirrappreżentawh jew fuq dawk li jisimgħuk, jifhmuk u jimxu id f’id miegħek irrelevanti x’kuluri jħaddnu?

Dan hu proprju dak li qed tagħmel il-familja ta’ Jean Paul Sofia.

Ifittxu min jismagħhom, min jifhimhom u aktar minn hekk, min jieħu azzjoni. X’kont tagħmel differenti int?

Wara li tkun waqaft u ħsibt sew, iva, ikteb u semma’ leħnek int ukoll għaliex huwa dmir li ma tibqax sieket quddiem dan kollu.

Individwalment m’għandniex is-setgħa li nwettqu l-bidliet u l-azzjonijiet li hemm tant hemm bżonn, iżda jekk ningħaqdu flimkien wara l-familja ta’ Jean Paul Sofia, insemmgħu leħinna aħna wkoll, nistgħu noqorbu lejn dak li hu ġust.

Semma’ leħnek u jekk taqbel ma’ dan li għadek kif qrajt, xerred dan l-artiklu. Flimkien nistgħu nagħmlu differenza ikbar.

Meta kien l-aħħar li tajt u rċevejt kumpliment ġenwin?

Meta kien l-aħħar li tajt u rċevejt kumpliment ġenwin?

Meta kien l-aħħar li tajt kumpliment ġenwin lil xi ħadd?

Kif ħassejtek l-aħħar li rċevejt kumpliment ġenwin?

Dawk is-sentimenti ta’ apprezzament u gratitudni li tħoss.

X’differenza għamillek fil-ġurnata tiegħek?

Huwa fatt li kollha kemm aħna nieħdu gost meta nħossu li aħna apprezzati għal dak li aħna u dak li nagħmlu u ħafna drabi dan jimmotivana wkoll.

Fatt magħruf li, anki jekk dak li tagħmel f’ħajtek tagħmlu minn qalbek, kumpliment jista’ jimmotivak biex tkun aħjar u timxi aktar ‘il quddiem.

Illum huwa l-Jum Dinji tal-Kumplimenti. Oriġinarjament din il-ġurnata bdiet mill-Olanda u aktar tard kompliet internazzjonalment, bħala inizjattiva bl-għan li kull min jipparteċipa jirnexxilu jibdel il-ġurnata tiegħu u ta’ madwaru f’waħda pożittiva.

L-aħbar it-tajba hi li bħal kull ġurnata sinifikanti oħra, din il-ġurnata nistgħu niċċelebrawha u nipprattikawha kuljum.

Ħafna drabi, fil-ħajja mgħaġla ta’ kuljum tagħna, ninsew kemm kumpliment sempliċi jista’ jagħmel differenza pożittiva mhux biss lil min nagħtuh iżda anki lilna nfusna.

Kumpliment, mhuwiex dak il-kliem li tgħid biex sempliċiment tkun għedt xi ħaġa jew biex tintgħoġob ma’ xi ħadd. Kumpliment huwa dak il-kliem ġenwin ibbażat fuq dak li verament taħseb u tħoss dwar il-persuna.

Mhux biss dwar id-dehra ta’ barra, iżda anki fuq dak li jagħmel il-persuna dik li hi minn ġewwa u fuq dak kollu li tagħmel il-persuna, b’kumpliment tista’ tbiddel il-ġurnata ta’ dak li jkun għal waħda aħjar u isbaħ.

Jekk ma taħsibx li tista’ tagħti kumpliment ġenwin, ikun aħjar li ma tgħid xejn.

Iżda jekk dak li se tgħid huwa dak li verament taħseb u tħoss, kun ċert li ma tħallix kull jum jgħaddi mingħajr ma tkun għaddejt kumpliment lil dawk ta’ madwarek; familja, ħbieb, kollegi, u iva, għaliex le, anki lil dawk li tafhom biss mill-midja jew mill-midja soċjali.

Kumpliment, ma jiswiex flus iżda għal persuna jista’ jiswa d-dinja.

L-importanti li tkun ġenwin dejjem.

“Alla ta don lil kulħadd… m’għandi xejn aktar speċjali minn ħaddieħor” – Kyran

“Alla ta don lil kulħadd… m’għandi xejn aktar speċjali minn ħaddieħor” – Kyran

Nitkellmu ma’ Kyran Bonello, ir-rebbieħ tat-tieni staġun ta’ Malta’s Got Talent.

Nistqarr li mill-ewwel darba li rajt u smajt lil Kyran, emozzjonani mhux ftit, u baqa’ jemozzjonani kull darba, tal-mument li ġie ddikjarat rebbieħ.

F’Kyran nara ħafna aktar minn dan it-talent fenomenali li għandu, għaliex lil hinn minn dan, jien nara lil Kyran bħala xempju tal-paċi, umiltà u ġenwinità, u filwaqt li ninsab ċerta li se jkollu karriera mużikali ta’ suċċess kbir, ninsab ċerta wkoll se jkompli jagħmel differenza u ħafna ġid, permezz tat-talent u l-personalità unika tiegħu.

Kyran, onorata li ddedikajt ftit mill-ħin tiegħek biex nagħmlu din l-intervista. Grazzi.

Kyran, għaddew ftit jiem mill-mument li tħabbar li int ir-rebbieħ tat-tieni staġun ta’ Malta’s Got Talent. Kif qed tħossok?

Ngħid l-verità, għadni emmozzjonat s’issa. Kien mument li mhux se ninsewh qatt.

Kif ħassejtek kif Gianni ħabbar li int ir-rebbieħ?

Dak il-ħin kont qisni qed ngħix f’ħolma, u għalkemm issa għaddew ftit jiem, għadni ma nistax nemmen. Li bis-saħħa t’Alla u bil-voti tal-pubbliku wasalt biex irbaħt hija xi ħaġa inkreddibli. M’hemmx kliem biżżejjed biex tiddeskriviha.

X’kien li ġiegħlek tapplika għal Malta’s Got Talent?

Daqs kemm ħajruni l-ġenituri u l-għalliema tal-kant tiegħi, għalhekk bħal speċi għedt issa la ġietni l-opportunità napplika u mbagħad f’idejn il-Mulej.

Kont qed tistenna li se tirċievi rispons daqshekk pożittiv mill-pubbliku?

Biex ngħidlek il-verità ma kellix idea li se jkolli daqshekk rispons mill-pubbliku.

Liem mill-prestazzjonijiet li għamilt hija l-aktar għal qalbek?

Kollha ħadt pjaċir nagħmilhom u kollha kemm huma kienu emozzjonanti. F’kollha bkejt bil-ferħ. Pereżempju fl-audition kelli l-mument tal-golden buzzer li kien mument inkredibbli u memorabbli. Fis-semifinali kantajt il-kanzunetta favorita tiegħi, li hija l-Ave Maria. Fil-finali imbagħad kien hemm il-mumemt tar-rebħa allura ovvja li se jkun mument speċjali ħafna għalina.

Semmejt lil Sarah Zerafa, xi tgħidilna dwarha?

Mara mill-aħjar u kuntent ħafna li sirt nafha għax mill-ewwel darba tal-audition tiegħi f’Malta’s Got talent, mill-ewwel emmnet fija.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fuq Malta’s Got Talent?

Esperjenza sabiħa mmens, m’hemmx biżżejjed kliem biex niddiskriviha.

X’fisser għalik is-sapport tal-ġenituri tiegħek matul dan il-vjaġġ?

Is-sapport tagħhom ifisser ħafna għalija, mhux matul dan il-vjaġġ biss imma dejjem sibthom hemm għalija. Il-ġenituri huma l-ewwel persuni li ssibhom matul ħajtek, anke fid-diffikultajiet.

Issa li nistgħu ngħidu li int persuna pubblika, kif inbidlet ħajtek minn wara Malta’s Got Talent?

Veru li issa sirt persuna pubblika imma ħajti li l-istess baqgħet għaliex jien m’għandi xejn aktar speċjali minn ħaddieħor. Alla ta don lil kulħadd biex jużah sew ladarba jiskoprih, jużah biex iferraħ lil ħaddieħor u hekk nipprova nagħmel jien.

Jumejn ilu, fl-iskola fejn tattendi, il-Kulleġġ ta’ Santa Tereża, l-Imrieħel, għamlulek sorpriża mill-isbaħ. Kif ħassejtek dak il-ħin?

Kien mument impekkabbli ħafna għalija xħin rajt lill-sħabi tal-klassi jifirħuli u l-kumplament tat-tfal. Xħin ġew il-familja tiegħi Kif ukoll xħin ġiet il-judge Sarah Zerafa (Sosa) bħala sorpriża, bħal speċi għall-ewwel ma ridtx nemmen lil għajnejja kienet xi ħaġa emozzjonanti ħafna. Kif ukoll xħin tawni l-statwa ta’ San Lawrenz mingħand l-istaff kollu u l-istudenti tal-iskola kollha. Minn hawn nixtieq nirringrazzjahom minn qalbi lill-staff kollu tal-iskola u lill-sħabi kollha.

Kemm hu importanti li kellek is-sapport kollu li kellek bżonn mill-iskola sabiex stajt tipparteċipa f’Malta’s Got Talent?

Importanti ħafna li l-iskola tappoġġja lill-istudenti tagħha biex jiskopru u jkabbru t-talenti tagħhom, mhux għalija biss iżda għall-istudenti kollha. Hija xi ħaġa sabiħa ħafna wkoll li ssib is-sapport u l-għajnuna minn sħabek ukoll.

Lil hinn minn Malta’s Got Talent, min hu Kyran Bonello? Għidilna ftit dwarek..

Jiena nħobb ħafna l-affarijiet sagri, inħobb narma ħafna għall-festi ta’ matul is-sena kollha, pereżempju fil-Milied, fil-Ġimgħa l-Kbira, u b’mod speċjali għall-festa tal-patruna tagħna Santa Liena. La nikber, jekk dejjem irid il-Mulej, għandi l-vokazzjoni għal saċerdot.

Kif nibtet il-passjoni tiegħek għall-mużika?

Darba konna qegħdin Karoake u jiena ta’ tifel li kont, kelli bejn wieħed u ieħor xi 9 jew 10 snin, kont staqsejt lill-mamà biex nitla’ nkanta d-diska favorita tiegħi L-Ave Maria u tlajt, u minn dakinhar il-ġenituri u l-familja ndunaw li hija passjoni tiegħi u ddeċidew li jeħduni għal-lezzjonijiet tal-kant.

Xi jfisser Alla għalik?

Alla għalija jfisser ħafna ħafna, mingħajru żgur ma jien xejn. Dejjem inħossu miegħi, kemm f’mumenti sbieħ kif ukoll f’dawk diffiċli. Dejjem nitolbu biex imexxini u jeħlisni minn kull tiġrib u biex iħarisna lkoll. Ma nixbax ngħidlu grazzi.

Esprimejt ix-xewqa li ssir qassis. Għaliex tixtieq issir qassis?

Biex inxandar il-kelma t’Alla fil-beraħ u nkattru flimkien il-fidi vera fih. U wkoll biex ngħin lin-nies fil-bżonn.

X’tip ta’ qassis tixtieq tkun? Fiex tixtieq tkun involut l-aktar kieku bħala qassis?

Qassis kif iridni l-Mulej. Nixtieq inkun involut fil-kor ta’ adulti u tfal biex b’hekk inkunu nistgħu nfaħħru ‘l Alla flimkien.

Hemm xi artisti Maltin li fil-futur tixtieq li jkollok opportunità li tikkollabora magħhom?

Biex ngħid l-verità, ma’ kulħadd nieħu pjaċir inkanta u m’għandix artisti partikolari li nixtieq inkanta magħhom għax kulħadd għandu talent differenti u sabiħ. Kull opportunità hija esperjenza unika.

X’inhi l-akbar ħolma li tixtieq twettaq?

Li nkanta fil-kor tal-Papa biex b’hekk inkun nista’ niltaqa’ miegħu, din minn dejjem kienet il-ħolma tiegħi, li xi darba niltaqa’ miegħu.

Wara Malta’s Got Talent, x’inhu l-pass li jmiss għalik?

Li nkompli l-karriera tiegħi tal-kant u li nħalli f’id il-Mulej issa li jinfetħu opportunitajiet ġodda pereżempju bħal kunċerti, tiġijiet u dak kollu relatat mal-kant.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk kollha li ssapportjawk matul l-avventura tiegħek fuq Malta’s Got Talent?

Grazzi u grazzi minn qalbi tas-sapport li tajtuni mill-ewwel ġurnata tal-audition tiegħi, mumenti li mhux se ninsa qatt. Jiena nwegħdkom li t-talb min-naħa tiegħi ma jonqosx. Nirringrazzja b’mod speċjali lill-Kalkariżi, il-ġenituri tiegħi Graziella u Christopher, lill-ħuti, il-familja u l-ħbieb, l-abbatini tal-parroċċa kif ukoll l-għalliema tal-kant tiegħi, Ms Gillian Attard u Ms Bianca. Il-Mulej magħkom.

“Għalija suċċess hu meta jirnexxili nnissel tbissima” – Tania Bartolo

“Għalija suċċess hu meta jirnexxili nnissel tbissima” – Tania Bartolo

Nitkellmu ma’ Tania Bartolo

Tania, wara 6 snin se tkun qed tagħmel ir-ritorn tiegħek fuq il-palk! Kif qed tħossok?

Inhossni ferm eċitata kif ukoll kuntenta li ħa naħdem ma’ nies li qatt ma ħdimt magħhom. Il-palk għalija huwa li dak li jagħmlek attriċi, mhux għax it-televiżjoni le ta imma li tħoss ir-rispons tan-nies miegħek hija xi ħaġa sabiħa immens.

Il-produzzjoni teatrali li se timmarka r-ritorn tiegħek hija Appuntamenti fl-Appartamenti. Għidilna ftit dwarha u dwar il-karattru li se tkun qed tinterpreta.

Iva, kummiedja sabiħa ħafna għall-familja kollha li qed tittella’ minn ACTion Productions u direzzjoni ta’ Sonic Aquilina. Il-karattru li se ninterpreta huwa ta’ Sandra, mart Lino Piccinino, karattru li se jkun qed jinterpretah Sandro Vella. Sandra tkun ftit imqarba u jogħġobh t-tabib Oscar. Sandra tħobb ftit il-fsied. Karattru sabiħ.

Min irid ikun jaf iktar, inħeġġiġkom biex tattendu dan il-weekend, is-Sibt it-12 u l-Ħadd it-13 ta’ Novembru ġewwa Teatru Dun Mikiel Xerri.

X’inhi l-aħħar ħaġa li tagħmel qabel toħroġ fuq il-palk?

L-aħħar ħaġa li nagħmel meta noħroġ fuq il-palk hi li nrodd is-salib u nagħmel ħames minuti waħdi nidħol fil-karattru. U nitlob ukoll lil San Ġinezju u lil Sant Antnin biex isibli l-linji mitlufin!

Dalwaqt se narawk ukoll fuq Ulied il-Lejl tinterpreta karattru ta’ soru. Għidilna ftit dwaru…

Ulied il-Lejl huwa għal qalbi ħafna għax kont mill-bidu nett mas-Sur Charles Stroud insibu locations u dak li jkun hemm bżonn mal-kru wkoll. Illum li l-filming huwa lest kollu nimmissja lil kulħadd għax konna veru qisna familja. Il-parti tas-soru ħdimtha għal qalbi ħafna. Is-soru tkun qalbha tajba però qatt ma tħalli lil ħaddieħor jgħaddiha biż-żmien. Ma nistax niżvela aktar imma l-karattru tiegħi tas-soru koka se nibdew narawh mis-sitt episodju.

Id-direttur ta’ Ulied il-Lejl, Charles Stroud, faħħar pubblikament is-sehem tiegħek fis-serje, mhux biss bħala attriċi iżda wkoll għall-għajnuna tiegħek minn wara l-kwinti. L-ewwel nett, xi tgħidilna dwar Charles Stroud? U kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek minn wara l-kwinti? X’sehem kellek?

Charles Stroud huwa bniedem ta’ dixxiplina u meta jidderieġi xi ħaġa jkun jaf x’inhu jagħmel. Kienet l-ewwel darba li ħdimt miegħu daqshekk mill-viċin u ma jiddispjaċini xejn għax nitgħallem ħafna minnu. Inzertajna li t-tnejn inħobbu l-epoka. Ix-xogħol ta’ wara l-kwinti huwa xogħol iebes u ta’ strapazz għax meta tkun trid tibda sett mill-bidu nett huwa ta’ taħbil il-moħħ. Charles ħadem ħafna ħafna u bl-għajnuna wasalna wkoll. Is sehem tiegħi kien li nsib il-locations, narmaw is-sett u peress li jiena għandi xi ftit props għen ftit ukoll. Grazzi tmur ukoll għas-sapport li nsib mir-raġel għax dejjem ikun hemm għalija.

Wara dawn il-proġetti, se nkomplu narawk fuq produzzjonijiet teatrali u televiżivi? Hemm xi pjanijiet oħra?

Qatt ma nista’ ngħid le Roberta. Hemm ħsieb għal xi ħaġa għas-sena d-dieħla imma s’hawn nista’ nasal. Nitkellmu fil-futur.

Kieku kelli ngħidlek li għandek opportunità li tieħu sehem f’serje televiżiva barranija li tixtieq int, liem tkun? U liem karattru tagħżel li tinterpreta?

Jekk tiġi opportunità għal serje televiżiva barranija naraw meta tasal. Però kieku kelli nagħżel naħseb nagħżel Il Segreto. Kull parti naċċetta għax nemmen li la tkun attur jew attriċi, tistudja l-karattru u tidħol għall-isfida, imma l-parti ta’ Pepa l-iktar li kont inħobb għax kien karattru tal-ġenn.

X’inhi d-definizzjoni ta’ suċċess għalik?

Is-suċċess għalija hu li kull parti li ninterpreta nwasslu lill-pubbliku mill-qalb. Meta niltaqa’ ma’ persuni u jgħiduli proset, għalija dak huwa suċċess għax inkun wassalt fid-djar tan-nies dak li jkun irid id-direttur mingħandi. Għalija, li nnissel tbissima fuq wiċċ dawk in-nies li jkunu għaddejjin minn xi sitwazzjoni diffiċli huwa suċċess ukoll.

“Li tlift lil oħti ta’ età żgħira ħafna biddlitli ħajti ta’ taħt fuq” – Stefania Attard Vella

“Li tlift lil oħti ta’ età żgħira ħafna biddlitli ħajti ta’ taħt fuq” – Stefania Attard Vella

Nitkellmu ma’ Stefania Attard Vella

Stefania, kif bdiet il-karriera tiegħek ta’ attriċi? U x’memorji għandek mill-ewwel produzzjoni li ħadt sehem fiha?

Bdejt n-namra tiegħi lejn il-palk minn età żgħira ħafna, tista’ tgħid meta kont l-iskola. Kont involuta fir-reċti li konna ntellgħu fuq il-palk għal żmien il-Milied, prize days eċċ, kemm fil-primarja u kif ukoll fis-sekondarja. Ta erbatax il-sena bdejt nattendi id-Drama Cente u minn hemm ma ħaristx lura, bqajt ninteressa ruħi u ninvolvi ruħi fid-drama.

Xi ħaġa li niftakar mit-tfulija tiegħi hi li bħala familja konna mmorru t-teatru spiss naraw ix-xogħol mill-aqwa li kien itella’ l-mibki imma qatt minsi Lino Grech, li huwa z-ziju ta’ missieri.

L-ewwel produzzjoni li hadt sehem fiha meta bdejt nikber ftit u li ma ninsa qatt hi play dwar il-ħajja ta’ Bernardette Soubirous fejn kelli l-parti impenjattiva u xejn faċli tal-Madre Superjura tagħha li xejn ma kienet titrattaha sew. L-ewwel produzzjoni televiżiva kienet L-Avukat Gawdenz Bilocca.

Liema mill-karattri li ħdimt s’issa kienu l-aktar ta’ sfida iżda ta’ tant sodisfazzjon?

Kelli ħafna partijiet li ħdimt kemm fuq palk u anke televiżjoni u tista’ tgħid li kollha kienu għal qalbi u li ħdimt ħafna biex ninterpreta bl-aħjar mod. Imma naħseb kieku kelli nagħżel, nagħżel il-parti għal qalbi ħafna ta’ Marija, li ta kull sena ninterpreta fid-dramm tal-passjoni mtella’ minn One 4 Two Productions, u li tkun kitba u direzzjoni ta’ Renzo Bonello.

Se tkun waħda mill-atturi tal-kummiedja ‘Għall-erwieħ’. Għidilna ftit dwarha u dwar il-karattru li se tkun qed tinterpreta.

Iva l-weekend li ġej, fil-5 u 6 ta’ Novembru se nkun qed nieħu sehem fil-Kummiedja ‘Għall-Erwieħ’ li se tittella’ fit-teatru tal-istitut Kattoliku, il-Furjana. Kummiedja ħelwa ħafna u m’għandix dubju li min ġej jarana se jieħu gost u jidħak daħka tajba.

Il-kummiedja hija dwar erbat erwieħ, ċenturjun, kavallier, fizzjal u ministru li inqabdu ġo villa u għal xi raġuni weħlu hemmhekk u m’għaddewx għall-ħajja ta’ dejjem. Lil dawn l-erwieħ ħadd ma jaf bihom sakemm tasal Sophie is-sid il-ġdida ta’ din id-dar. Jien se nkun qed ninterpreta l-parti ta’ Dolores, omm ir-raġel ta’ Sophie. Dolores għandha karattru partikolari ħafna u għalkemm ġiet fil-villa biex tissendika u tqatta’ ftit ħin fiha, ma tantx se jirnexxielha tagħmel dan għax il-villa se tfakkarha fil-passat tagħha u terġa’ tgħix il-memorji ta’ żminijiet sbieħ li għexet fil-villa. Issa biex wieħed ikun jaf eżattament ma’ min se tiltaqa’ Dolores u x’se jiġri eżatt, nistieden lill-qarrejja jiġu jarawna. Bħalissa għaddejjin bl-aħħar preparamenti, qegħdin tim ta’ atturi veru tajjeb u aħna li qed nieħdu sehem fil-kummiedja ukoll qed niehdu gost u nidħku aħseb u ara minn ġej jarana.

L-atturi sħabi li se jieħdu sehem huma: Renzo Bonello, Snits Mario Spiteri, Stefan Galea Debono, Dorian Micallef, Ismael Bonello, Liza Farrugia, Matthew Balzan, Kurt Gatt u Michael Stivala. Storja ta’ Ismael Bonello u kitba u direzzjoni ta’ Renzo Bonello.

Kif tipprepara ruħek qabel kull produzzjoni teatrali? U xi tkun l-aħħar ħaġa li tagħmel qabel titla’ fuq il-palk?

Qabel kull produzzjoni teatrali nħobb inqatta’ ftit ħin għall-kwiet waħdi ngħaddi l-linji, u nikkonċentra biss fuq il-produzzjoni li jkolli. Qabel nitla’ fuq il-palk, inrodd is-salib, ngħid talba żgħira u nitlob lil oħti tkun miegħi bħal ma nemmen li dejjem hekk tagħmel. Peress li hi ukoll kienet tirreċta, kull produzzjoni li nieħu sehem fiha niddedikaha għaliha.

Liema kienu l-ikbar kisbiet fil-karriera tiegħek s’issa?

Ħdimt ma’ kumpaniji u atturi differenti u sinċerament kull esperjenza tajba u inqas tajba għenitni nikber f’dan il-qasam. Nemmen ukoll li dejjem għad baqa’ x’nitgħallem, għalhekk l-akbar kisbiet huma l-esperjenzi varji ta’ produzzjonijiet li ħadt sehem fihom kemm fuq il-palk kif ukoll televiżjoni li għallmuni ħafna.

X’inhi l-isbaħ ħaġa u l-aktar parti diffiċli f’din l-industrija? U fejn tħoss li hemm bżonn isir progress?

L-isbaħ ħaġa hija r-rispons tan-nies li jsegwuk. Dan jagħmillek kuraġġ kbir u li juru li qed japprezzaw ix-xogħol tiegħek u l-partijiet varji li tkun interpretajt. Min-naħa l-oħra, għalkemm dan huwa tista’ tgħid passatemp, ikun hemm hafna preparamenti u studju ta’ skripts eċċ. Fi ftit kliem, trid ħafna ħin u dedikazzjoni. Inħoss li l-attur għandu jkun aktar stmat u apprezzat għall-ħidma tiegħu. Biex tittella’ produzzjoni ġieli jkun hemm xhur sħaħ ta’ preparamenti, rehearsals eċċ.

Lil hinn mit-teatru u t-televiżjoni, min hi eżattament Stefania?

Il-professjoni tiegħi hija dik ta’ għalliema. Jiena miżżewga u omm ta’ żewġt subien wieħed ta’ 12 u l-ieħor ta’ 15. Il-familja kollha tiegħi hija l-aktar ħaġa għażiża għalija. Fil-ħin liberu tiegħi (meta jkolli!!) apparti li nirreċta, inħobb inpenġi u nsajjar xi ħaġa ġdida. Li nara lil xi ħadd jitbissem u kuntent huwa l-akbar sodisfazzjon li jista’ jkolli.

Jien persuna sensittiva ħafna u xi kultant ninħeba wara tbissima meta qalbi tkun imkissra biċċiet. Il-fatt li tlift lil oħti ta’ eta żghira ħafna biddilli ħajti ta’ taħt fuq, imma nibqa’ nipprova. Naqa’ u nerġa’ nqum. Xi ħaġa pożittiva hi li llum il-ġurnata hawn nies apposta li jisimgħuk u jgħinuk. Il-mistoqsijiet mhux dejjem ikun hemm risposti għalihom imma għall-inqas tifhem li mhux waħdek tkun qed iġġorr il-piż tal-ħajja li xi kultant taf tkun iebsa mmens.

Waħda mir-relazzjonijiet li tant tgħożż hija dik li kellek ma’ oħtok. Min kienet din il-mara tant speċjali? U liem memorji mit-tfulija tagħkom tgħożż l-aktar?

Ohti Mariel kienet u għadha parti importanti minn ħajti, mhux biss oħti imma ħabiba tal-qalb li magħha kont nitkellem fuq kollox u li bħalha ftit issib. Kienet mara b’qalb kbira u dejjem bit-tbissima fuq wiċċha, dejjem lesta biex tgħin lil ta’ madwarha. Kull memorja kemm tat-tfulija nilgħabu u nimbxu lil xulxin kif ukoll ta’ meta kbirna u konna niltaqgħu spiss bit-tfal tagħha u tiegħi, nibqa’ ngħożżhom għal dejjem.

Peress li t-tnejn konna nvoluti fid-drama għandi memorji sbieħ ukoll ta’ meta konna fuq il-palk flimkien. Waħda mill-aktar memorji li niftakar ta’ meta konna żgħar hija ċ-ċajtiet li konna nagħmlu, peress li kellna leħinna simili ħafna. Ġieli anke tad-dar kienu jitħawwdu ma’ min kienu qed jitkellmu.

Wieħed mill-aktar mumenti imbarazzanti li ma tinsa qatt.

Wieħed mill-aktar mumenti mbarazzanti kien ftit taż-żmien ilu waqt li qed nieħu sehem f’kummiedja fuq il-palk. Kont għadni kif dħalt wara l-palk, wara li spiċċat xena u kelli nerġa’ noħroġ wara ftit. Għal xi raġuni li sal-lum stess għadni ma nafx x’inhi, ma ħrigtx fuq il-palk, mhux talli hekk talli lanqas indunajt li jien ħadt żball. Wara ftit indunajt, imma kien tard wisq. L-atturi bravissimi sħabi li kelli miegħi irranġaw u improvizzaw. Wara tgħidx kemm skużajt ruħi u ħassejtni veru ħazin. Darba biss grat u nispera ma terġax tiġri!

Liema xena minn film tqanqallek l-aktar sentimenti kull darba li taraha?

Il-film ‘The Notebook’ jogħġobni wisq, ma niddejjaqx narah għal ħafna drabi anke jekk naf kull xena bl-amment. L-atturi bravissimi kienu tajbin immens f’kull xena u l-istorja hija waħda sabiħa immens u mimlija emozzjonijiet.

X’kienet l-akbar lezzjoni li tgħallimt f’ħajtek?

L-aktar lezzjoni li għallmitni l-ħajja hija li ngħix ġurnata b’ġurnata, u ma ninkwetax iżżejjed, għax illum hawn u għada ħadd ma rah. Għandi napprezza kull ħaġa li għandi madwari, anke l-inqas ħaġa u li m’hawnx affarijiet isbaħ minn sempliċiment tgħanniqa, kelma ta’ kuraġġ jew sempliċi xi ħadd joqgħod ħdejk jew jisimgħek fi żmien diffiċli, anke jekk ma jgħid xejn. L-imħabba hija l-akbar forza qawwija li teżisti fid-dinja.

X’jispirak u jimmotivak f’xogħlok u fil-ħajja personali tiegħek?

Jispirawni nies pożittivi li għalkemm ikunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli f’ħajjithom, jibqgħu jfittxu u jittrażmettu l-pożittività. Inħossni motivata bil-fatt li dejjem nitgħallem affarijiet ġodda u nżomm ruħi infurmata. Meta naħdem ma’ grupp ta’ nies li kollha niġbdu ħabel wieħed u naħdmu għal għan wieħed ukoll hija xi ħaġa li tagħtini motivazzjoni kbira.

Enable Notifications OK No thanks