Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Croton? – Roxanne Gauci Taliana

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Croton? – Roxanne Gauci Taliana

Il-pjanti tal-Croton jeħtieġu dawl qawwi u indirett. Ma jħobbux dawl tax-xemx dirett. Il-kuluri vibranti tagħhom jiddependu fuq dawl qawwi.

Fis-sajf żommhom niedja u naqqas id-drabi li ssawqihom fix-xitwa.

Ħamrija tal-qsari msaffija tajjeb hija perfetta għal dawn il-pjanti.

Uża fertilizzant li jinħall bil-mod jew inkella likwidu matul l-istaġun tat-tkabbir.

Il-partijiet kollha tal-pjanti tal-Croton huma tossiċi għall-bnedmin u l-annimali domestiċi. Jistgħu jkunu irritanti għall-ġilda, allura l-aħjar li tilbes ingwanti meta tkun qed tneħħi l-weraq jew taqta’ minnha. Jekk tiġi inġerita fi kwantitajiet kbar tista’ tirriżulta f’taqlib fl-istonku, dijarea u aktar.. Annimali domestiċi li jkunu avvelenati jistgħu jidhru għajjenin jew irritabbli.

Biddel il-pot fir-rebbiegħa meta jkun meħtieġ iżda dejjem uża pot ta’ daqs wieħed biss akbar mill-pot li tkun qiegħda fiha l-pjanta.

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Yucca aħjar? – Roxanne Gauci Taliana

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Yucca aħjar? – Roxanne Gauci Taliana

Il-pjanta tal-Yucca hija ġeneru ta’ aktar minn 40 pjanta perenni, arbuxelli u siġar, iżda ftit biss huma mkabbra bħala pjanti tad-dar.

Hija pjanta tad-dar interessanti u li tikber bil-mod, u li għandha wkoll il-benefiċċju li hi estremament tolleranti għan-nixfa. Jekk toqtol yucca, x’aktarx minħabba li tkun saqqejtha żżejjed.

Maż-żmien, il-biċċa l-kbira tal-ispeċi tal-yucca jikbru ħafna iżda dan jieħu żmien twil tant li jkollok bosta snin fejn tista’ tgawdiha mingħajr ma tieħu wisq spazju. Il-pjanti tal-yucca jikbru relattivament bil-mod u hu meħtieġ li tbiddlilhom il-pot kull sentejn jew tlieta biss.

Il-yucca tmur tajjeb fid-dawl tax-xemx dirett, allura huma perfetti għal dik it-tieqa li minnha tidħol ħafna xemx. Madanakollu, jmorru tajjeb ukoll f’xemx qawwija u indiretta. Yucca li tikber f’dawl baxx se twassal għal inqas fjuri u tikber inqas. Jekk tpoġġi l-yucca fid-dell se tikber aktar bil-mod, li forsi jista’ jkun ta’ vantaġġ għalik ukoll.

Saqqiha regolarment fir-rebbiegħa u fis-sajf imma kun żgur li l-pjanta jkollha drenaġġ tajjeb u li tinxef malajr. Qatt tħalli pjanta tal-yucca toqgħod fi trej bl-ilma.

L-ispeċi tal-yucca fihom saponini sterojdi, kimiċi li jistgħu jikkawżaw irritazzjoni intestinali u anki problemi oħrajn jekk jiġu kkunsmati fi kwantitajiet kbar. Il-pjanta għandha togħma pjuttost morra, u għalhekk huwa rari li l-klieb u l-qtates jieklu kwantitajiet minnha, iżda jekk dan isir jistgħu jimirdu serjament.

Iffertilizza matul l-istaġun tat-tkabbir b’fertilizzant likwidu, darba fix-xahar ġeneralment ikun biżżejjed.

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Clivia? – Roxanne Gauci Taliana

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Clivia? – Roxanne Gauci Taliana

Il-pjanti tal-Clivia huma nattivi għall-Afrika t’isfel u saru pjuttost popolari ma’ dawk li jħobbu l-pjanti.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pjanti huma mkabbra bħala pjanti tad-dar, f’postijiet adattati jistgħu jitkabbru anki barra. Madanakollu għandhom jiddaħħlu ġewwa għax-xitwa.

L-attrazzjoni għall-dawn il-pjanti tinstab fil-blanzuni partikolari tagħhom, li jvarjaw fil-kulur minn oranġjo ċar għal aħmar. Il-fjuri fragranti tagħhom għandhom il-forma ta’ t-tromba, huma simili għal dawk tal-Amaryllis iżda żgħar. B’differenza mill-Amaryllis, il-pjanti tal-Clivia jżommu l-weraq tagħhom is-sena kollha.

Il-pjanta tal-Clivia teħtieġ dawl qawwi u indirett imma l-ebda xemx diretta. Xemx diretta taħraq il-weraq u teqred il-fjuri. Matul is-sajf, tagħmel tajjeb li toħroġha barra sakemm iżżommha fid-dell.

Matul ir-rebbiegħa u s-sajf, saqqiha sewwa u mbagħad ħalli 50% tal-ħamrija ta’ fuq tinxef qabel ma terġa’ ssaqqiha. Naqqas milli ssaqqiha fil-ħarifa, u fix-xitwa ħalli l-ħamrija tinxef sew qabel ma ssaqqiha.

Ladarba l-pjanta tal-Clivia tiegħek tkun spiċċat tiffjorixxi, ġeneralment fil-bidu tas-sajf, uża fertilizzant tal-pjanti ta’ ġewwa. Qatt m’għandek tiffertilizza matul l-4-6 ġimgħat fix-xitwa meta l-pjanta tkun qed tistrieħ. Wara l-pjanta tkun straħet, uża fertilizzant b’ħafna potassju biex tgħin lill-pjanta tiffjorixxi.

Umdità medja tad-dar hija adegwata għall-Clivia.

Din il-pjanta hija tossika ħafna għall-annimali domestiċi.

Il-Clivia tiffjorixxi l-aħjar meta tkun f’pot żgħira. Biddlilha l-pot kull tlieta jew erba’ snin. Jekk il-pjanta tkun tidher tqila ħafna mill-parti ta’ fuq u qed tegħleb, uża pot tqila u twila biex tipprovdi stabbiltà.

Il-Pjanta tal-Boston Ivy – Kif tista’ tieħu ħsiebha? – Roxanne Gauci Taliana

Il-Pjanta tal-Boston Ivy – Kif tista’ tieħu ħsiebha? – Roxanne Gauci Taliana

Jekk qed tfittex pjanta li xxebblek u li tikber malajr, il-pjanta tal-Boston Ivy hija ideali għalik!

Il-Boston Ivy hija pjanta li xxebblek, jew inkella, tista’ wkoll tħalliha mifruxa orizzontalment biex tibqa’ nieżla sal-art. Jekk ma tridx li l-ivy tikber mal-ħitan, ħawwilha mill-inqas 5 metri ‘l bogħod minn kwalunkwe struttura. Tista’ tkabbarhom fuq kannizzati.

Id-dwieli iservu wkoll ta’ ħitan, kif ukoll biex jagħtu dell lill-ħajt. Jekk tixtieq tħalli l-Boston Ivy xxebblek mal-ħitan ta’ xi bini, kun żgur l-ewwel li tagħmlilha bażi sod. Ladarba d-dielja tieħu postha u tibda tikber, huwa diffiċli li tneħħiha minn mal-ħitan. Tista’ tagħmel ħsara lil ħajt meta tiġi biex tipprova tneħħiha.

Fil-klimi Maltin tas-Sajf tagħna, l-aħjar huwa li tpoġġi l-pjanta tal-Boston Ivy fuq ħitan li jħarsu lejn il-lvant jew it-tramuntana.

Il-Boston Ivy tmur l-aħjar f’ħamrija msaffija sew iżda tittollera ħafna kundizzjonijiet differenti tal-ħamrija.

Il-bżonnijiet tal-ilma tagħhom huma medji. Matul l-ewwel staġun tat-tkabbir, kun żgur li ssaqqiha ħafna sabiex l-għeruq jiżviluppaw tajjeb. Wara dan, saqqi l-pjanta bejn wieħed u ieħor kull ġimgħa, u aktar spiss meta tkun is-sħana. Hija pjuttost tolleranti għan-nixfa ladarba tkun stabbilita.

Din il-pjanta hija tossika għall-annimali domestiċi tagħna.

Filwaqt li l-fertilizzazzjoni ħafna drabi mhix meħtieġa, xi wħud japplikaw fertilizzant b’ħafna fosfru meta jħawwluha biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-għeruq. Fertilizzant normali jkun tajjeb għal kull fertilizzazzjoni li tħoss li għandek bżonn tagħmel wara dak.

Kif tista’ tieħu ħsieb il-Pjanta tal-Begonia Masoniana? – Roxanne Gauci Taliana

Kif tista’ tieħu ħsieb il-Pjanta tal-Begonia Masoniana? – Roxanne Gauci Taliana

Il-Begonia Masoniana hija magħrufa wkoll bħala l-Iron Cross Begonia. Hija popolari għall-weraq sbieħ u partikolari tagħha. Kull werqa hija mmarkata b’disinn forma ta’ salib kannella fl-aħmar. Hemm possibilità li minnha tara wkoll fjuri bojod fir-roża, fir-Rebbiegħa u fis-Sajf, iżda dawn il-blanzuni huma insinifikanti meta mqabbla mal-weraq tant sbieħ. Li taqta’ l-fjuri jgħin biex ikollok weraq akbar u aktar b’saħħtu.

Poġġi l-pjanta tiegħek f’dawl qawwi u indirett, dan jgħin ukoll għall-kuluri tal-weraq.

Biddlilha l-pot sa daqs wieħed akbar biss, fir-Rebbiegħa. L-użu ta’ pot żgħira b’toqba tad-drenaġġ jgħin biex tevita ilma żejjed. Irranġa l-ħamrija bil-mod b’subgħajk b’mod li l-pjanta jkollha ftit arja madwar l-għeruq tagħha.

Issaqqihiex iżżejjed. Din hija waħda mill-ftit problemi li jista’ jkollok b’din il-pjanta. Il-Begonia Masoniana għandha għeruq rhizomtous li jiġbru l-ilma, għalhekk importanti li qabel ma ssaqqiha tħalli l-ħamrija tinxef ftit. Evita li xxarrab il-weraq għax minbarra li jittebbgħu, dan jista’ jikkawża moffa u fungus ieħor.

Din il-pjanta tħobb 50% ta’ umdità relattiva jew ogħla. Jekk m’għandekx daqshekk umdità fid-dar tiegħek, uża umidifikatur jew poġġi trej b’ċagħaq imxarrab biex iżżid l-umdità. Li tpoġġi pjanti oħrajn flimkien bħal begonji oħrajn, felċi u orkidej, jgħin biex tiżdied l-umdità fl-arja ta’ madwarhom.

Uża fertilizzant li jinħall fl-ilma kull xahar matul is-sena kollha. Iffertilizza meta l-ħamrija tkun diġà niedja.

Il-pjanti kollha tal-begonia huma tossiċi għall-annimali domestiċi. Minbarra hekk, din il-pjanta tista’ tkun attrazzjoni għal caterpillars, vine weevils, aphids u mealybugs, għalhekk ħu ħsieb li kemm jista’ jkun tipproteġiha minnhom.

Enable Notifications OK No thanks